Niżviluppaw l-Istudenti, l-Akkademja u s-Soċjetà
“It-Tagħlim u l-Istruzzjoni” hija waħda mit-Temi Strateġiċi tal-Pjan Strateġiku 2020-2025, li testabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha.
L-Università ta’ Malta trawwem l-integrazzjoni tal-istudji ogħla mar-riċerka. L-Istituzzjoni hija sensittiva għall-ħtiġijiet tal-komunità inġenerali u tqis lilha nnifisha bħala l-qalba ewlenija tat-tagħlim għas-soċjetà Maltija. Żewġ irwoli prinċipali tal-Università huma li trawwem ċittadini bl-għarfien, bl-ogħla ħiliet, responsabbiltà u integrità, kif ukoll li tħeġġeġ ir-riżultat konsistenti għal riċerka relevanti ta’ kwalità għolja.
It-Tagħlim u l-Istruzzjoni
|
|
L-Istrateġiji Ewlenin |
L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Aħna naħdmu qatigħ biex inwasslu korsijiet ta’ studju li huma relevanti, li jirriflettu l-ambjent soċjali talUniversità, u li jindirizzaw minnufih iċ-ċirkustanzi li jibqgħu jinbidlu. Aħna sensittivi ħafna għall-ħtiġijiet tal-istudenti potenzjali u attwali li ġejjin minn sfondi mhux tradizzjonali u ta’ dawk li huma diġà impjegati.Il-persuni maturi qegħdin jibdlu l-profil demografiku tal-korp studentesk. Dan it-tibdil aħna nilqgħuh. Listudenti maturi għandna nagħtuhom iżjed għajnuna u flessibbiltà, billi nikkunsidraw l-għarfien li jkunu akkwistaw permezz tal-esperjenza li jkunu kisbu qabel fit-tagħlim u fix-xogħol.
Is-sapport akkademiku proattiv huwa meħtieġ għall-istudenti kollha biex jirnexxu fl-istudji tagħhom, speċjalment fil-każ ta’ dawk vulnerabbli jew li ġejjin minn sfondi b’rati baxxi ta’ parteċipazzjoni fledukazzjoni ogħla. Iż-żieda progressiva tal-istudenti internazzjonali hija xejra li nilqgħu u li tagħni ddiversità kulturali u l-viżjoni kożmopolitana tal-Università.
Il-programmi ta’ studju tal-Università jitfasslu biex ikunu mudelli dinamiċi għat-tagħlim u l-istruzzjoni, b’tali mod li jinvolvi u jispiraw lill-istudenti biex matul ħajjithom jibqgħu jistaqsu, jitgħallmu u jaħsbu b’mod flessibbli. Aħna nistinkaw għall-eċċellenza fl-istruzzjoni bis-saħħa ta’ reviżjonijiet minn kollegi akkademiċi interni u esterni, u permezz ta’ spazji komdi għat-tagħlim, mgħammra bl-aħħar riżorsi didattiċi ta’ kwalità għolja.
Billi l-mod kif jitwassal it-tagħlim irid ikun versatili u flessibbli, inħeġġu li tintuża varjetà ta’ modalitajiet immirati lejn spettru wiesa’ ta’ ħtiġijiet u attivitajiet, li tinkludi s-servizzi ta’ disseminazzjoni offruti millUniversità. Se nagħmlu ħilitna biex ninkludu sessjonijiet u diskussjonijiet interattivi, bl-istudenti fil-mira, permezz ta’ sistemi msejsa fuq lezzjonijiet ippjanati kif jixraq u abbinati ma’ tuturi li jħeġġu lparteċipazzjoni individwali, l-inklużjoni u d-djalogu. It-tagħlim universitarju hu magħġun b’riċerka li tirrifletti l-avvanzi li jsiru f’diversi dixxiplini u jitwassal minn akkademiċi b’għarfien espert li ppruvawh fir-riċerka tagħhom.
Minbarra t-tagħlim ta’ dixxiplina speċifika, se nsaħħu u nappoġġjaw il-kisba ta’ ħiliet differenti flimkien, bħall-ħsieb kritiku, id-dibattitu informattiv, il-komunikazzjoni u d-diskors pubbliku, kif ukoll il-ħiliet soċjali tal-individwu. Dawn jgħinu lill-istudenti jsibu impjieg f’livell xieraq li jissodisfahom, wara li jkunu temmew l-edukazzjoni ogħla formali.
Il-ħoloq ta’ bejn l-edukazzjoni ogħla u s-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkunu t-tnejn effettivi u effiċjenti sabiex ilaħħqu mal-ħtieġa li qiegħda dejjem tiżdied, fil-livelli kollha, ta’ speċjalisti b’edukazzjoni ogħla. Għal dan il-għan, se nimmiraw biex niffaċilitaw it-tagħlim b’mod flessibbli billi nżommu f’moħħna l-bżonnijiet attwali u tal-ġejjieni tal-istudenti.
Minħabba x-xenarju dinamiku u virtwali wiesa’ tal-informazzjoni, il-librerija hija riżorsa ewlenija li kontinwament tibdel l-irwol u r-responsabbiltajiet tagħha biex tiżgura li tkun qed tipprovdi l-materjal tagħha għall-bżonnijiet li dejjem jinbidlu ta’ dawk li jaċċessawha u biex tilħaq l-aspettattivi tagħhom. Għalhekk, hu meħtieġ aktar investiment biex naraw li s-servizzi eċċellenti attwali tal-librerija jitwessgħu għat-trawwim ta’ ambjent inklinat lejn l-innovazzjoni u l-kreattività. B'hekk, ikunu stimulati t-tagħlim u l-istruzzjoni kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell kollaborattiv, u tittejjeb il-viżibbiltà tar-riċerka li ssir fl-Università stess.
Il-ħtieġa għaż-żieda ta’ tagħlim u struzzjoni elettronika ta’ livell għoli hija kruċjali u urġenti. Bl-għajnuna ta’ prattikanti mħarrġa u infrastruttura xierqa li tiżgura implimentazzjoni effettiva, se nsaħħu l-faċilitajiet elettroniċi eżistenti. Dawn spiss ikollhom bżonn aġġornamenti li jkunu konformi mal-aħħar teknoloġiji tal-istruzzjoni u tat-tagħlim, li jinbidlu b’rata mgħaġġla, mal-ħtiġijiet tar-riċerka, u mal-prijoritajiet tal-popolazzjonijiet studenteski, kemm f’termini ta’ skop u ta’ metodu, kif ukoll fejn tidħol l-allokazzjoni tal-ħin.
Se nkomplu nħeġġu l-esperjenza f’xogħlijiet professjonali, b’mod partikolari apprentistati li jkunu xierqa u bbażati fuq ix-xogħol, kemm lokalment kif ukoll lil hinn minn xtutna, għax dawn jgħollu l-livell tal-esperjenza edukattiva inġenerali. Se nkomplu naraw li jkun hemm tranżizzjoni bla skossi bejn iż-żmien li wieħed iqatta’ l-Università u d-dħul tiegħu f’impjieg xieraq. L-Università tħaddem programmi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol f’bosta oqsma, fosthom fil-mediċina, fix-xjenzi tas-saħħa u fil-farmaċewtika. Se nipprovdu sistemi ta’ għajnuna għall-iżvilupp ta’ taqsimiet-studju prattiċi f’suġġetti ta’ oqsma oħra. Se jkun hemm ukoll konsulenti li jassistu l-programmi ta’ studju b’komponenti bbażati fuq ix-xogħol li jinkludu l-assenjamenti u l-akkreditazzjoni.
L-istrutturi eżistenti għandhom iservu biex jiffaċilitaw l-aġġornament regolari tal-programmi ta’ struzzjoni, b’reazzjoni għall-fehmiet tal-istudenti, il-pariri tal-esperti, ir-reviżjoni tal-programmi u l- bidliet mgħaġġla fil-kontenut u l-metodi tad-dixxiplini differenti. L-istrutturi akkademiċi u amministrattivi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu riveduti flimkien, b’mod regolari, biex jirreaġixxu minnufih għall-ħtiġijiet diversi u kontinwi ta’ bosta entitajiet tal-Università.
Il-bdil tal-irwoli tal-akkademiċi minn provdituri tal-għarfien għal gwidi esperti, konsulenti u faċilitaturi nirrikonoxxuhom u nilqgħuhom. Il-motivazzjoni, l-impenn għall-istruzzjoni u l-innovazzjoni għandhom jiġu rrikonoxxuti u ppremjati. Se nimmiraw għall-eċċellenza fl-istruzzjoni b’mod integrat mal-proċessi li jwasslu għal avvanzi akkademiċi, id f’id mar-riżultati tar-riċerka u t-tmexxija jew il-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ disseminazzjoni.
It-tagħlim u l-istruzzjoni huma assoċjati b’mod fundamentali mal-assessjar kontinwu, formattiv u summattiv. Kull evalwazzjoni tal-isforzi u l-ħidma tal-istudenti jeħtieġ li tkun valida, siewja u trasparenti. L-enfasi fuq l-eżamijiet formali qed tinbidel b’forom oħra ta’ assessjar, li aktarx huma iżjed speċifiċi, u li jiddeterminaw il-livelli preċiżi tal-għarfien u l-kompetenzi. B’dan il-għan, l-irwoli tal-assenjamenti, l-assessjar awtentiku, il-preżentazzjonijiet u l-portfolji qegħdin jiżdiedu u huma aċċettati kemm mill-istudenti kif ukoll mill-akkademiċi.
Kemm is-siwi kif ukoll l-għan tal-edukazzjoni dottorali, f’rabta bejn l-istruzzjoni u r-riċerka, żdiedu meta mqabbla mal-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu tas-soċjetà u mal-profil demografiku tal-istudenti. It-trawwim strutturat tal-ħiliet, il-kompetenza fil-komunikazzjoni, l-istruzzjoni, u t-tmexxija issa huma parti mill-edukazzjoni dottorali u l-mandat tal-Iskola għad-Dottorat li twaqqfet dan l-aħħar, u lkoll flimkien jikkumplimentaw b’mod effettiv il-ħiliet fir-riċerka fil-livell dottorali tradizzjonali.
Se niffukaw fuq iż-żieda ta’ korsijiet qosra, korsijiet part-time, korsijiet elettroniċi u programmi ta’ taħriġ prattiku għall-professjonisti fi spettru wiesa’ ta’ oqsma. Jistgħu jitfasslu taqsimiet-studju akkademiċi flessibbli għall-ħtiġijiet tal-professjonisti f’nofs il-karriera tagħhom jew fil-bidu tagħha biex jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Dan it-taħriġ għandu joħolqilhom opportunitajiet biex jiżviluppaw il-karrieri tagħhom u biex l-impjegaturi jtejbu l-abiltajiet tal-ħaddiema tagħhom. L-Università għandha l-bażi tal-għarfien biex toħloq dawn il-korsijiet speċjalizzati għall-organizzazzjonijiet professjonali u l-uffiċjali tal-gvern. Dawn il-korsijiet jistgħu jitfasslu flimkien mal-partijiet interessati biex jinħoloq ambjent dinamiku u ta’ sostenn li jippromwovi kollaborazzjonijiet professjonali ta’ valur.
It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-istaff akkademiku huma proċessi kontinwi essenzjali fil-livelli kollha tal-vjaġġ akkademiku tagħhom. L-akkademiċi kollha, mill-iċken karigi sal-ogħla professuri u superviżuri tat-teżijiet, jibbenifikaw minn taħriġ u għajnuna xierqa. Għalhekk, se nsaħħu u nestendu l-istrutturi li hemm diġà, ngħidu aħna, l-Uffiċċju għall-Iżvilupp Akkademiku Professjonali, li jipprovdi dan it-tip ta’ konsulenza. Se niżviluppaw sistemi biex nagħrfu struzzjoni ta’ eċċellenza permezz ta’ mekkaniżmi bħal premjijiet u rikonoxximent.