Il-komunikazzjoni

Il-komunikazzjoni

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Niżviluppaw Komunikazzjoni Interna u Esterna

 

Din it-taqsima tappartjeni għall-Pjan Strateġiku 2020-2025, li jestabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha. 

 

   L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

   L-Impenji          

  • Niżviluppaw komunikazzjoni interna u esterna
  • Niddefinixxu u niżviluppaw l-identità u r-reputazzjoni tal-Università ta’ Malta
  • Noħolqu siti elettroniċi, stazzjonijiet soċjali, apps u kampanji elettroniċi ta’ livell għoli 
  • Noħolqu attivitajiet ta’ kuntatt biex nintegraw lill-partijiet interessati interni u esterni 
  • Intejbu l-komunikazzjoni permezz ta’ teknoloġija tal-mobile u software tar-relazzjoni mal-klijenti
  • Infasslu pjanijiet tal-komunikazzjoni b’għarfien dwar is-suq u informazzjoni analitika
  • Noħolqu għodod għall-konferenzi, is-seminars u l-avvenimenti 
  • Nikkordinaw kalendarju ta’ avvenimenti u attivitajiet għall-Università kollha 
  • Inqanqlu d-djalogu u l-involviment mal-alumni

 

L-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-Università ta’ Malta se ssegwi r-rotta tal-esperjenza tal-istudenti, minn meta jidħlu l-Università sal-gradwazzjoni u lil hinn. Il-komunikazzjoni se tiffoka fuq il-ħtieġa li nibnu sens ta’ komunità u ninvolvu l-istudenti u l-istaff fil-ħajja tal-kampus. L-attenzjoni primarja tal-istrateġija tal-komunikazzjoni se tkun fuq il-provvista ta’ informazzjoni kostanti dwar l-avvenimenti u l-opportunitajiet ta’ fuq il-kampus li jtejbu l-esperjenza tat-tagħlim u jiddefinixxu l-identità u r-reputazzjoni tal-Università ta’ Malta.

L-istrateġija tal-komunikazzjonijiet se tkun tiddependi fuq ir-relazzjonijiet mal-mezzi tax-xandir u tal-istampa, il-komunikazzjoni kummerċjali, l-avvenimenti speċjali, il-komunikazzjoni eżekuttiva u l-kuntatt mal-pubbliku. Biex nilħqu l-għanijiet tagħna, se nippubblikaw kontenut permezz ta’ firxa ta’ mezzi tax-xandir u l-istampa, fosthom siti elettroniċi, fuljetti u rivisti, u se nibqgħu nevalwaw u nesploraw teknoloġiji u modi ġodda kif nilħqu l-udjenzi.

Il-Komunikazzjoni Kummerċjali

L-immaniġġjar tal-mezzi kummerċjali tal-media se jiffoka fuq ir-riżultat ta’ artikli viżivi, bl-awdjo, u ppubblikati fuq pjattaformi tradizzjonali u tal-mezzi soċjali. Aħna u nindirizzaw il-pjan strateġiku, se nkomplu nippjanaw u nwettqu strateġija għax-xandir pubbliku għal kull inizjattiva ta’ komunikazzjoni, inqassmu materjal u stqarrijiet għall-istampa, u niżviluppaw metodu komprensiv biex niġbru u nxerrdu l-informazzjoni.

Il-komunikazzjoni kummerċjali se tespandi f’firxa wiesgħa ta’ formati tagħna stess jew mixtrija, mezzi tax-xandir u esperjenzi. Se noħolqu suġġetti, materjal għar-reklamar, u se nimmaniġġjaw il-mezzi differenti tal-media, bħal rivisti, siti elettroniċi u pjattormi soċjali, ħalli ninteraġixxu mal-partijiet interessati interni u esterni b’mod effettiv. Se niffukaw fuq il-mod kif titqies l-Università bħala istituzzjoni ta’ reputazzjoni, u se:

  • nirrikonoxxu l-partijiet interessati interni u esterni bħala l-udjenza fil-mira għall-isforzi tal-komunikazzjoni tagħna u biex niżviluppaw kampanji personalizzati ta’ komunikazzjoni;
  • noħolqu, niżviluppaw u nikkordinaw siti, stazzjonijiet soċjali, apps u kampanji bil-posta elettronika;
  • nipprovdu prinċipji ta’ gwida permezz ta’ dokumenti ta’ politika u mudelli għall-utenti;
  • nipproduċu mudelli u materjali tal-awdjo, viżivi, stampati, diġitali u multimedji li jistgħu jintużaw mid-dipartimenti u t-taqsimiet biex inqassmu l-informazzjoni fl-Università;
  • inkomplu nfasslu, nipproduċu u nqassmu rivisti u fuljetti elettroniċi; 
  • nirriflettu l-identità tal-marka u nikkordinaw ir-reklamar estern bi ħlas fil-mezzi tal-istampa u x-xandir; 
  • nipprovdu servizzi ta’ reklamar u kummerċ lill-fakultajiet, id-dipartimenti u t-taqsimiet tal-kampus;
  • inqassmu avviżi fuq il-proċessi tal-istudenti; 
  • nikkomunikaw fil-ħin is-soluzzjonijiet li nsibu biex nilqgħu għat-tfixkil li jinħoloq mill-iżvilupp li jkun għaddej;
  • naġġornaw lill-istaff minn żmien għal żmien bid-deċiżjonijiet strateġiċi li jkunu ttieħdu mis-Senat u l-Kunsill;
  • nippubbliċizzaw il-viżjoni strateġika b’inizjattivi interni tal-media.

Il-Kuntatt mal-Partijiet Interessati 

L-inizjattivi ta’ kuntatt jagħtu vuċi lill-missjoni edukattiva tal-Università ta’ Malta. Permezz tal-komunikazzjoni miktuba u bil-fomm għar-rettorat, id-dekani, il-kapjiet u d-diretturi, se nikkomunikaw il-prinċipji, l-ideat, il-kisbiet u l-pjanijiet fit-tul tal-Università lil firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati interni, fosthom l-istudenti, l-istaff, l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi, l-industrija, il-gvern u provdituri oħra tal-edukazzjoni. Il-kuntatt mal-pubbliku hu importanti għax iżid il-kuxjenza, il-fehim u l-appoġġ għall-inizjattivi tal-Università fost udjenzi lokali, nazzjonali u internazzjonali. Bl-inizjattivi li se nieħdu f’dan l-aspett se nimmiraw li:

  • noħolqu attivitajiet ta’ kuntatt li fihom il-partijiet interessati interni u esterni jagħrfu aħjar l-irwol tal-Università bħala strument għall-kwalità tal-ħajja reġjonali u internazzjonali;
  • nipproduċu attivitajiet f’għamla ta’ konferenzi u seminars li jesponu t-tmexxija akkademika tal-Università bħala katalista fid-diskussjoni u fit-tqassim tal-għarfien;  
  • niżviluppaw djalogu kontinwu fost l-istudenti, l-akkademiċi u r-rappreżentanti ta’ diversi komunitajiet soċjali, industriji u stabbilimenti pubbliċi fil-pajjiż;  
  • nidentifikaw avvenimenti nazzjonali u internazzjonali li bihom ninvolvu l-partijiet interessati; 
  • nissieħbu ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà, entitajiet pubbliċi u skejjel għal kuntatt effettiv u għal opportunitajiet ta’ viżibbiltà għall-fakultajiet u l-amministraturi.  

Il-Komunikazzjoni għad-Dħul fl-Università

L-Università se tħeġġeġ li jkun hemm applikazzjonijiet għad-dħul u r-reġistrazzjoni permezz ta’ soluzzjonijiet elettroniċi ta’ livell għoli, avvenimenti, u servizzi magħmula apposta. L-Università ta’ Malta ilha s-snin tiffoka biex tkun l-istituzzjoni ta’ dawk li jkunu jixtiequ jakkwistaw kwalifika terzjarja. Biż-żieda fl-istandards tal-provdituri edukattivi lokali u internazzjonali, l-Università ma baqgħetx l-unika għażla għall-istudenti biex ikomplu l-edukazzjoni terzjarja tagħhom u, għal dan il-għan, l-Università jeħtieġ li tieħu l-pożizzjoni tagħha mill-ġdid bħala entità ta’ reklutaġġ. Hemm ħtieġa li qed tikber biex l-Università tidentifika u tagħti prijorità fuq kif u fejn għandha timmira l-kampanji tal-komunikazzjoni tagħha biex tattira aktar studenti prospettivi. 

Permezz ta’ avvenimenti u fieri tal-istudenti lokali u internazzjonali, se naraw li nattiraw applikazzjonijiet mill-istudenti li jkopru l-ispettru kollu tal-programmi akkademiċi. Għandna l-għan li nipprovdu aċċess elettroniku lil eluf ta’ studenti prospettivi b’avvenimenti fl-iskejjel, fil-lokalitajiet, u f’avvenimenti internazzjonali annwali. It-tir tagħna hu li niffukaw fuq dawk li jtemmu l-iskola obbligatorja, l-istudenti tal-ewwel grad u l-istudenti postgradwatorji billi noħolqu avvenimenti f’postijiet aċċessibbli, megħjuna mill-istaff esperjenzat u ddedikat tagħna.

Nippjanaw li nniedu proċess innovattiv ta’ reġistrazzjoni u teknoloġija ta’ ċċekkjar li bihom inkunu nistgħu nipprovdu lill-fakultajiet informazzjoni dwar numru ta’ studenti internazzjonali li mbagħad ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati minn tim dedikat responsabbli mid-dħul tal-istudenti internazzjonali. Il-proċess tar-reġistrazzjoni tal-istudenti jirrikjedi metodu iżjed intensiv biex insegwu t-talbiet, speċjalment, ta’ dawk l-istudenti internazzjonali li normalment ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni u jkunu jeħtieġu iżjed għajnuna.

Il-proċess tar-reġistrazzjoni ta’ spettru usa’ ta’ studenti internazzjonali hu maħsub li jgawdi minn sapport teknoloġiku li l-Università se tevalwa biex toħloq metodu strutturat permezz ta’:

  • software tar-relazzjoni mal-klijenti għall-immaniġġjar tal-informazzjoni tal-istudenti, biex inwieġbu fil-ħin it-talbiet tagħhom, u biex inkunu nistgħu nsegwu l-istess talbiet;
  • għarfien kummerċjali u analiżi tal-informazzjoni storika tar-reġistrazzjonijiet u tax-xejriet tal-programmi lokali u internazzjonali.

L-istudenti li jidħlu l-Università se jkomplu jiġu appoġġjati mill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Istudenti propost biex jaqdi lill-istudenti taħt saqaf wieħed, u li jista’ jservi bħala ċentru fejn jiltaqgħu dawk li jiġu l-Università biex jiksbu l-informazzjoni dwar id-dħul u r-reġistrazzjoni.  

L-Avvenimenti

L-avvenimenti speċjali se jirrikjedu l-esperjenzi li joħolqu l-affinità b’tali mod li l-udjenzi jkunu jistgħu jinteraġixxu direttament mal-Università. Dawn l-attivitajiet jesponu l-impatt u r-reputazzjoni tal-Università għall-eċċellenza. Minn żjarat dinjitarji u ċelebrazzjonijiet mal-kampus għal laqgħat u avvenimenti intellettwali, l-Università se tuża l-istandard għall-avvenimenti li jħallu sinifikat u impatt. Sabiex nilħqu dawn l-għanijiet strateġiċi, se:  

  • nidentifikaw, nippjanaw u nikkordinaw avvenimenti u attivitajiet megħjuna minn tim speċjalizzat fuq l-avvenimenti bil-ħsieb li jappoġġja d-direzzjoni strateġika tal-Università;
  • noħolqu għodda għall-konferenzi, seminars, u avvenimenti oħra li tista’ tiġi adottata mid-dipartimenti meta jorganizzaw attivitajiet interni u esterni;
  • nikkordinaw kalendarju bl-avvenimenti u l-attivitajiet tal-Università kollha biex niffaċilitaw il-kordinazzjoni, naraw li ma jkunx hemm avvenimenti l-istess, u nikkomunikaw l-attivitajiet li jkunu għaddejjin;
  • nipprovdu linji gwida għal politika relatata mal-avvenimenti, il-proċeduri u l-aqwa prattika;
  • nimmaniġġjaw l-avvenimenti ta’ livell għoli u li jinvolvu delegazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.

L-Alumni

L-Università se tara li tħeġġeġ il-kollaborazzjoni u l-kuntatt bejn l-alumni tagħha li jgħixu u jaħdmu f’industriji, setturi u pajjiżi differenti. Qed nimmiraw li nsaħħu n-networks tar-riċerka li diġà jeżistu, li nqanqlu d-djalogu, u li ngħinu biex jiġu stabbiliti iżjed kollaborazzjonijiet u sħubiji ta’ skambju mal-alumni. Bħala parti mill-istrateġija biex ninvolvu l-alumni, l-Università se tfittex li tgħaqqad l-alumni biex tħeġġeġ u trawwem proġetti konġunti, u tesplora li tibni inizjattivi konġunti oħra.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici8-servizziusapportamministrattiv/komunikazzjoni/