Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti

kors2025

 

Il-KORS TAL-MALTI LI DEJJEM XTAQT NAGĦMEL - ONLINE!

Tikteb bil-Malti f'xogħlok?

Tieħu ħsieb xi rivista jew sit elettroniku bil-Malti?

Tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti?

Dan il-kors maqtugħ għalik! (MQF 5)

 

Fi Frar 2025 jiftaħ l-20 kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti l-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Kors online ta' sena li għalih jistgħu japplikaw mhux biss dawk li joqogħdu Malta u Għawdex imma anke oħrajn li jaħdmu bil-Malti u jgħixu barra l-pajjiż.

Dan il-kors ideali għal dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom, bħalma huma:

• l-impjegati tas-settur pubbliku
• l-impjegati tas-settur privat
• il-ġurnalisti (ta' gazzetti stampati u online) u x-xandara
• is-segretarji tal-kunsilli lokali
• l-edituri ta’ rivisti u fuljetti parrokkjali
• l-edukaturi u l-impjegati tal-iskejjel
• l-awturi u l-pubblikaturi
• it-tradutturi li qed jaħdmu jew jixtiequ jaħdmu mal-Unjoni Ewropea.

 

Il-kors inbena madwar il-ħtiġijiet tal-qarrejja tal-provi u fih l-ingredjenti kollha li jeħtieġu biex jagħmlu xogħolhom b’mod professjonali. Dawn huma t-taqsimiet-studju li jkopri (30 krettu b'kollox):

 

Frar 2025 - Ġunju 2025
MAL1030       Ir-Regoli tal-Kitba Maltija fil-Prattika 1     4 ECTS
MAL1032       Elementi tal-Fonoloġija tal-Malti     4 ECTS
MAL1040       Elementi tal-Morfoloġija tal-Malti     4 ECTS
 
Ottubru 2025 - Jannar 2026
MAL1031       Ir-Regoli tal-Kitba Maltija fil-Prattika 2     6 ECTS
MAL1046       Elementi Sintattiċi u l-Punteġġjatura     2 ECTS
MAL1047       Aspetti Tekniċi fil-Preżentazzjoni tal-Ktieb     2 ECTS
MAL1048       L-Għodod Elettroniċi għall-Qari tal-Provi     2 ECTS
MAL1049       Proġett Prattiku fil-Qari tal-Provi     6 ECTS

 

Il-lezzjonijiet isiru online: it-Tnejn u l-Ħamis mill-5:30pm sat-8:30pm. Għalhekk, importanti li tkun taf tuża xi ftit il-kompjuter.

L-eżamijiet isiru fil-klassi, mhux online, l-Università ta’ Malta, l-Imsida, u fil-Kampus tax-Xewkija wara l-ewwel nofs (Ġunju 2025) u wara t-tieni nofs tal-kors (Jannar 2026).

Il-kors huwa tal-Livell 5 fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki Nazzjonali (MQF). Għal tagħrif ieħor fuqu, tista' tara l-ktejjeb .

 

applika
Jekk għandek xi mistoqsija, iktbilna.

 

Kwalifiki biex tapplika:

  • Jekk sat-13 ta' Frar 2025 ma tkunx għalaqt 23 sena jrid ikollok iċ-Ċertifikat tal-Matrikola u l-Malti fil-Livell Avvanzat sa grad C.
  • Jekk sat-13 ta' Frar 2025 ikollok aktar minn 23 sena u m'għandekx dawn il-kwalifiki, tista' tapplika xorta waħda u ssirlek intervista qasira minn bord tal-għażla apposta qabel jibda l-kors biex tkun tista' ssegwih bħala student/a adult/a.

 

Kif tapplika:

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta' Jannar fis-2pm mis-sit tal-Università. Jekk segwejt jew qed issegwi xi kors universitarju ieħor, illoggja bil-kredenzjali tal-Università, jiġifieri bil-username u l-password li diġà għandek. Jekk qatt ma attendejt kors l-Università, trid tirreġistra bħala student/a ġdid/a tal-Università ta' Malta billi tagħfas fuq il-buttuna l-ħamra 'New User'. Minn hemm 'il quddiem segwi l-istruzzjonijiet li tingħata mis-sit stess. Għal tagħrif amministrattiv ieħor fuq l-applikazzjoni, ara l-paġna tal-Admissions.

Noti importanti għall-applikazzjoni:

  1. Għall-kors mhumiex meħtieġa kwalifiki barranin. Għalhekk, fl-applikazzjoni tiegħek iżżidx referenzi għal ċertifikati li jista' jkollok minn universitajiet barranin.
  2. Jekk għandek il-Malti fil-Livell Avvanzat, jekk jogħġbok inkludi l-grad tiegħu fl-applikazzjoni. Jekk m'għandekx il-Malti fil-Livell Avvanzat, u fit-13 ta' Frar 2025 ikollok aktar minn 23 sena, tista' tapplika xorta waħda u ssirlek intervista qasira.
  3. Fl-applikazzjoni qis li tinkludi l-indirizz elettroniku (email address) li tuża l-aktar u li tiċċekkja ta’ spiss. Se nikkuntattjawk elettronikament u għalhekk għandna bżonn dan l-indirizz.

Il-ħlas tal-kors ma jsirx f'daqqa imma f'żewġ pagamenti separati (€450 fi Frar 2025 u €450 f'Ottubru 2025). Il-kors hu eliġibbli għal sussidju fi kreditu tat-taxxa mill-iskema Get Qualified. Iżjed 'l isfel tista' taqra dwarha.

 

Fil-qosor...

  • Tul tal-kors: Kors universitarju online u part-time ta' sena (Frar 2025 - Jannar 2026) f'Livell 5 (MQF). Għal tagħrif ieħor idħol hawn.
  • Deskrizzjoni: Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal kull min jinteressah li jtejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. L-istudenti jiġu mis-settur pubbliku u privat, ilkoll minn oqsma differenti tal-ħajja, u dan il-fatt jagħmel il-kors aktar interessanti.

Ingħaqad mas-730 qarrej tal-provi kkwalifikati biċ-Ċertifikat u idħol għal dan il-kors universitarju fuq il-kitba bil-Malti. Min itemmu b'suċċess, minbarra li jikseb iċ-Ċertifikat Universitarju (Cert. PRM(Melit.)) jingħata wkoll ix-Xhieda ta' Għarfien (warrant), li tiġġedded kull ħames snin mill-Kunsill tal-Malti biex jagħmel xogħol ta' qari tal-provi bil-Malti. Hawnhekk issib il-lista uffiċjali tal-qarrejja tal-provi bix-Xhieda ta' Għarfien aġġornata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Dan huwa kors professjonali li jħarrġek u jagħtik l-opportunità tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-ortografija tal-Malti. Mhux biss, matulu tipprattika ħafna u tieħu gost... bil-provi!

 

Għajnuna finanzjarja:

Get Qualified

L-istudenti impjegati jistgħu jirreġistraw fl-iskema tal-Get Qualified u biha jingħataw sa 70% lura mill-ħlas tal-kors fi kreditu tat-taxxa jekk itemmuh b'suċċess. Tagħrif ieħor dwar din l-iskema ssibu hawn. Aqra sewwa t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha qabel ma tapplika.

 

Training Pays Scheme

L-istudenti (sa 64 sena) li mhumiex impjegati jistgħu jirreġistraw fl-iskema Training Pays Scheme u biha jingħataw sa 75% lura mill-ħlas tal-kors jekk itemmuh b'suċċess. Tista' ssib tagħrif ieħor dwar din l-iskema minn hawn. Aqra sewwa t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha qabel ma tapplika.

 

Għall-impjegati tax-xandir (televiżjoni, radju u siti elettroniċi tal-aħbarijiet)

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qiegħda ġentilment tissussidja l-ħlas tal-kors għal tliet ġurnalisti, xandara, impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika bil-Malti u produtturi privati tal-programmi. Kull min jaħdem f'dan il-qasam u jixtieq japplika għall-kors għandu jikteb minnufih lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri (joanna.spiteri@ba.org.mt), biex jirreġistra l-interess tiegħu.

L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir u skont min juri l-interess tiegħu l-ewwel mal-Awtorità. Min jingħata dan is-sussidju jrid japplika wkoll uffiċjalment għall-kors mis-sit tal-Università.

 


https://www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/cqp/