Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1133
Title: Studju dwar il-lessiku tas-sajd bir-rixa
Authors: Ciappara, Daniel
Keywords: Linguistics -- Malta
Maltese language -- Dictionaries
Fisheries -- Terminology -- Maltese
Fishing -- Terminology -- Maltese
Issue Date: 2014
Abstract: Meta ġejt biex nagħżel it-titlu tat-teżi, ridt li jkun wieħed li jagħti kontribut lill-qasam lingwistiku, għalhekk għażilt li nagħmel glossarju li fih ikun hemm ġabra tat-terminoloġija tas-sajd bir-rixa. Għażilt li nagħmel teżi fuq hekk għaliex jien sajjied dilettant u s-sajd, speċjalment dak bir-rixa, huwa għal qalbi ħafna. Ilni nistad minn meta kelli erba’ snin u għalhekk għandi għarfien sew tas-sajd. Ħassejt li jekk nagħmel studju fuq qasam li nħobb, ir-riżultat finali kellu jkun tajjeb. Dan ix-xogħol għandu żewġ partijiet ewlenin: glossarju bi ġbir ta’ termini fuq dan il-qasam u l-intervisti li għamilt ma’ sajjieda Maltin u Għawdxin li jixhdu l-varjazzjonijiet li jeżistu fi nħawi differenti. Fil-glossarju hemm madwar 230 terminu li b’xi mod jew ieħor jintużaw f’dan il-qasam u jinsabu klassifikati b’mod alfabetiku. Dawn it-termini ġbarthom permezz tal-għarfien li għandi f’dan il-qasam, permezz ta’ kitbiet oħra li huma relatati ma’ dan il-qasam u permezz tal-intervisti li għamilt. Kull terminu mbagħad għandu ċertu informazzjoni fuqu; id-definizzjoni li jagħti Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti u d-definizzjoni li jagħti Joseph Aquilina fid-dizzjunarju l-kbir: Maltese-English Dictionary, d-definizzjoni li naf jew li ltqajt magħha jien kemm fl-intervisti u kemm f’kitbiet oħra u s-sors ta’ minn fejn sibt it-terminu u d-definizzjoni tiegħu. Dan il-ġbir ta’ termini jista’ jkun interessanti għal kull min iħobb is-sajd bir-rixa u għal kull min hu interessat f’dan il-qasam lingwistiku. Għażilt li nintervista sajjieda li jgħixu fi nħawi differenti biex niġbor kemm jista’ jkun termini u biex insib varjanti differenti f’dan il-qasam kif fil-fatt sibt. L-inħawi li għażilt huma Marsaxlokk, iż-Żurrieq, l-Għarb, Għawdex u x-Xewkija, Għawdex. Għażilt Marsaxlokk u ż-Żurrieq għaliex huma nħawi popolari ħafna fost is-sajjieda u għażilt l-Għarb u x-Xewkija għaliex kont naf li għandhom varjanti differenti f’dan il-qasam. L-informanti kollha kellhom madwar ħamsin u sebgħin sena u l-fattur kruċjali ta’ dan ix-xogħol huwa dak tal-ġeografija, fil-fatt fl-inħawi li dort dejjem sibt xi varjazzjonijiet. Ta’ min ukoll li jgħid li l-informanti kollha tkellmu bid-djalett tar-raħal tagħhom u mhux bl-istandard. Dan ix-xogħol huwa maqsum f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu jittratta informazzjoni dwar is-sajd inġenerali, metodi differenti ta’ sajd f’Malta u anki dwar kitbiet relatati mas-sajd. Dan il-kapitlu huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti nitkellem dwar id-definizzjoni ġenerali tal-kelma ‘Sajd’ u wara nitkellem fuq is-sajd u l-bejgħ tal-ħut f’Malta. Fit-tieni parti nsemmi xi wħud mill-iktar metodi popolari tas-sajd f’Malta fosthom is-sajd bir-rixa u fit-tielet parti nsemmi xogħlijiet dwar il-ħut, l-industrija tas-sajd f’Malta u dwar metodi differenti ta’ sajd. It-tieni kapitlu huwa dwar is-soċjolingwistika u hu maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti nitkellem dwar is-soċjolingwistika inġenerali, dwar xi fatturi li jaffettwawha bħas-sess, l-età u l-ġeografija u anki dwar is-soċjolingwiżmu f’Malta. Fit-tieni parti mbagħad nsemmi xi xogħlijiet li nkitbu fuq is-soċjolingwistika u fit-tielet parti nitkellem dwar il-metodoloġija li tintuża f’dan il-qasam. Nikkonkludi din il-parti billi niddeskrivi l-metodoliġija li użajt f’dan ix-xogħol. L-esperiment li għamilt jien jista’ jitqies bħala wieħed kwantitattiv minħabba l-fatt li jien studjajt biss individwi minn kull raħal bl-iskop li dawn jirrappreżentaw lil xi sajjieda ta’ dik l-età li jistadu bir-rixa f’dak ir-raħal partikolari. It-tielet kapitlu huwa dwar l-analiżi tal-intervisti u maqsum fi tliet partijiet ewlenin. Fl-ewwel parti nitkellem fuq l-istudju pilota u l-ħtieġa tiegħu. Fit-tieni parti nsemmi d-diffikultatijiet li ltqajt magħhom waqt it-tħejjija tal-intervisti u nanalizza l-intervisti individwalment però fl-istess ħin inqabbilhom flimkien biex b’hekk l-analiżi tkun waħda iżjed sħiħa. Fit-tielet parti mbagħad ninkludi tabella li fiha wieħed isib it-termini li użaw is-sajjied biex jiddeskrivu l-istampi li wrejthom. L-aħħar kapitlu mbagħad huwa dwar il-glossarju u hu maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti ngħid fil-qosor x’inhi l-ħtieġa tal-glossarju u nagħti deskrizzjoni tiegħu filwaqt li fit-tieni sezzjoni hemm il-glossarju nnifsu. Fl-aħħar ta’ dan l-istudju wieħed isib l-appendiċi li fih hemm kopja tal-intervista li hi magħmula minn 15-il mistoqsija u 23 stampa. Ma’ dan ix-xogħol ninkludi wkoll CD li fiha hemm l-intervisti li għamilt mas-sajjieda.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1133
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL014.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0141.97 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.