Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120155
Title: Il-kunflitti u l-intimitajiet fil-poeżiji ta’ Simone Galea
Authors: Aquilina, Rachel (2023)
Keywords: Galea, Simone, 1967-. Xi drabi mqar persuna -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 21st century
Intimacy (Psychology) in literature
Communication in literature
Intertextuality
Issue Date: 2023
Citation: Aquilina, R. (2023). Il-kunflitti u l-intimitajiet fil-poeżiji ta’ Simone Galea (Bachelor's dissertation).
Abstract: F’din it-teżina ser jiġu studjati l-kunflitti u l-intimitajiet li jikkaratterizzaw il-poeżiji ta’ Simone Galea, fil-ġabra 'Xi Drabi Mqar Persuna'. L-għan prinċipali ta’ dan l-istudju huwa li jiġu identifikati t-tekniki figurattivi, retoriċi, stilistiċi, u intertestwali li jittrażmettu s-sens ta’ armonija u ta’ diżarmonija fir-relazzjonijiet intimi. Dan għaliex il-poetessa tlaqqa’ b’mod inseparabbli l-mumenti ta’ konfront u l-mumenti ta’ qrubija f’diversi mumenti ta’ affezzjoni jew imħabba, kemm jekk mal-maħbub, mas-soċjetà, mal-barrani etniku, kif ukoll ma’ poeti oħra diġà stabbiliti. L-ebda relazzjoni ma hija qatt issimplifikata fil-poetiċità tagħha. Il-kapitli li ġejjin jindirizzaw dan il-paradoss ewlieni fil-poeżiji ta’ Galea b’referenza kontinwa għattekniki li joħolqu kemm mumenti ta’ konnessjoni intima u kuntatt teneru mal-ieħor jew maloħrajn, kif ukoll mumenti kuntrarji ta’ kunflitt, li jinbtu anki f’relazzjoni li qatt mhi miċħuda, fil-forma ta’ differenzi sentimentali, spazji vojta u nuqqas ta’ qbil fil-perspettivi varji mqar ta’ tnejn min-nies. Madanakollu, l-istess tensjonijiet jagħmlu r-relazzjonijiet u l-korrispondenzi fil-poeżiji ta’ Galea aktar intensi u ġenwini, minflok inqas veri jew awtentiċi. Għalhekk, fil-kapitli suċċessivi ser jidher in-nuqqas ta’ tendenza f’dawn ir-relazzjonijiet lejn naħa negattiva jew oħra pożittiva biss. Huma relazzjonijiet li jħaddnu natura kumplessa ta’ mħabba, ammirazzjoni, u qrubija lejn persuna jew persuni oħra, realtà ta’ affezzjonijiet li jħaddnu wkoll l-inkongruwenzi, il-firdiet intrinsiċi tal-imħabba stess. Fit-tieni kapitlu jiġu studjati fil-fond l-elementi diversi li jipprestaw ruħhom permezz tal-istil liriku partikolari li bih Galea toħloq is-sens ta’ distanza antitetika fl-intimità bejn ilmaħbubin, ibda biex, fil-problemi komunikattivi bejniethom. Fit-tieni taqsima ta’ dan il- kapitlu, id-distanza antitetika tiġi studjata permezz ta’ elementi metaforiċi li jfasslu d-distakk emottiv u konjittiv bejn koppja fiżikament qrib xulxin, spazju vojt li jbiegħed filwaqt li jwassalhom lura lejn xulxin permezz ta’ xi element rikonċiljattiv li jegħleb l-opposti kollha ta’ bejniethom. Ir-rikonċiljazzjoni ssir kwalità stilistika distintiva tal-lirika stess, kif jixhdu rreferenzi tiegħi għall-poeżiji rikonċiljattivi ta’ Denise Levertov kif analizzati minn Dana Greene, li tiddiskuti l-metodu li bih il-kitba letterarja fiha nnifisha hija sforz għall-għaqda wara t-tensjoni li tkun trabbiet bejn żewġ sensibilitajiet. Fi kliem ieħor, l-immaġinazzjoni estetika u kreattiva tal-poetessa teżisti bħala mezz kif hi tkampa mat-tensjonijiet inevitabbli tar-relazzjoni intima, sakemm issib fl-istess teknika poetika mezz ta’ rijunjoni. Fit-tielet taqsima tal-istess kapitlu jiġi ttrattat il-kliem anka bħala element organiku fil-kwalità tiegħu, fis-sens li l-kliem ġieli jakkwista l-kwalitajiet ta’ entitajiet ħajja. F’Galea, il-kelma “kliem” hija rikorrenti ħafna, u xi drabi timplika komunikazzjoni reċiproka bejn żewġ persuni intimi permezz ta’ elementi (naturali jew mhumiex) kumpensatorji għal xulxin. Dawn l-elementi mhux dejjem jissostitwixxu l-kliem bħala fattur b’saħħtu fir-relazzjoni, iżda xorta waħda jservu bħala xhieda tan-natura effimera, reċiproka, problematika, u rikonċiljattiva filkomunikazzjoni ta’ bejn koppja. Fit-tielet kapitlu jiġu analizzati poeżiji mill-ġabra ta’ Galea li jittrattaw relazzjoni maloħrajn, kemm dawk li huma l-aktar qrib tagħha, Maltin bħalha u fl-istess ċirku soċjali, kif ukoll l-oħrajn barranin ta’ etniċità differenti. F’dan il-kapitlu t-teorija Heideggerjana hija laktar prominenti fost il-qari supplimentari, għaliex tiddeskrivi l-kliem tal-oħrajn bħala kliem frivolu u mimli platitudnijiet dwar, fil-każ tal-poetessa Galea, il-mara tipika Maltija. Fit-tieni taqsima jiġu analizzati poeżiji partikolarment b’rabta mal-irwol tal-mara moderna f’soċjetà b’konvinzjonijiet maħkuma mid-drawwiet u l-preġudizzji konvenzjonali. Huwa għalhekk li l- persona ta’ Galea sseffaq wiċċha ma’ relazzjonijiet ippreġudikati mal-oħrajn ta’ madwarha, li jagħmlu parti indispensabbli mis-soċjetà tagħha imma li, fl-istess waqt, jixhdu t-tensjonijiet inevitabbli bejn l-avvanz tal-mara moderna u l-istatiċità tal-mara tradizzjonali Maltija. Fittielet taqsima tal-istess kapitlu jiġu trattati poeżiji li jikkonsistu f’relazzjoni kunfliġġenti iżda tenera mal-oħrajn etniċi. F’dawn il-poeżiji, il-persona ta’ Galea tispiċċa fin-nofs ta’ etniċità nattiva li ħafna drabi tħaddan opinjoni kontra l-oħrajn etniċi, u tal-barrani etniku li trid tissimpatizza miegħu, anka jekk b’implikazzjonijiet sottili dwar il-kunflitti lokali marbutin miegħu. Għalhekk, f’dan il-kapitlu tispikka l-figura femminili maqbuda f’xibka intima u kunfliġġenti ma’ dawk l-eqreb tagħha u anka ma’ dawk li spiċċaw qrib tagħha minħabba ċirkostanzi sfortunati. Fl-aħħar kapitlu ta’ din it-teżina, jiġu analizzati l-aħħar ħames poeżiji fil-ġabra ta’ Galea taħt is-sottotitlu Xi Drabi Mqar Poeta. L-intertestwalità hija figurazzjoni letterarja prominenti f’dan il-kapitlu u l-ktieb Intertextuality ta’ Graham Allen għen fit-tfassil ta’ din ilparti tat-teżina. Dan għaliex Galea tikteb poeżija-risposta bħala tkomplija letterarja għal poeżija waħda ta’ kull wieħed minn ħames poeti preċedenti: Achille Mizzi, Ġorġ Borġ, Marjanu Vella, Rużar Briffa u Victor Fenech. Huwa għalhekk li f’dawn il-poeżiji-risposti larmonija u d-diżarmonija huma t-tnejn preżenti, l-aktar fejn Galea tapprova l-istil u l-forma li użaw il-poeti ta’ qabilha, kif ukoll it-tematika li tkompli telabora b’mod sottili ħafna, iżda flistess waqt tinnega u tikkonfronta dak li l-istess poeti esprimew f’kitbiethom. Attwalment, bħal f’kull relazzjoni anka jekk mhux ma’ maħbub, l-intimità twassal għall-kunflitt u huwa għalhekk li d-diżarmonija tispikka fil-ħames poeżiji-risposti ta’ Galea, għaliex testendi ttematika tagħhom b’perċezzjonijiet ġodda. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li Galea tagħżel li tikteb poeżija bi tkomplija fuq poeżija partikolari aktar bikrija juri l-interess tal-poetessa f’xogħolhom, u għalhekk l-intimità intertestwali sseħħ b’mod immedjat.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120155
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300000014732_3.PDF
  Restricted Access
1.05 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.