Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120180
Title: L-ironija f’’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’
Authors: Baldacchino, Alessia (2023)
Keywords: Mamo, Juann, 1886-1941. Ulied in-nanna Venut fl-Amerika -- Criticism and interpretation
Maltese fiction -- 20th century
Irony in literature
Issue Date: 2023
Citation: Baldacchino, A. (2023). L-ironija f’’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’ (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżi tanalizza bir-reqqa l-ironija verbali, Romantika u kosmika fir-rumanz ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’ ta’ Juann Mamo. Ir-rumanz mill-ewwel interessani għaliex il-prinċipji letterarji ta’ Mamo jmorru kontra l-prinċipji ta’ rumanziera u poeti oħrajn ta’ żmienu. Juann Mamo bil-karattru ribelli tiegħu joħloq l-istil oriġinali tiegħu, tant li saħansitra fir-rumanz, permezz tal-ironija, jagħżel li jironizza u jipparodizza x-xogħol ta’ awturi Maltin li fi żmienu kienu stmati u popolari. Stilistikament, Mamo jħaddem l-ironija b’mod mill-iżjed intelliġenti għaliex filwaqt li jikkritika kemm jiflaħ il-qagħda miżera talpoplu Malti ta’ żmienu, u l-kritika tiegħu taf tolqot fil-laħam il-ħaj, ir-rumanz xorta waħda jibqa’ divertenti. Il-punt ta’ riferiment akkademiku tiegħi fil-kitba ta’ din it-teżi kien il-ktieb ta’ Claire Colebrook ‘Irony’. Dan il-ktieb serva ta’ gwida għalija u kien ta’ għajnuna kbira sabiex nifhem iżjed il-kumplessitajiet tal-ironija u nistabbilixxi liema termini se nuża biex niddefinixxi t-tipi differenti ta’ ironija. Irreferejt ukoll, fost l-oħrajn, għall-ktieb ta’ Wayne C. Booth ‘A Rhetoric in Irony’, għal ‘Irony in Context’ ta’ Katharina Barbe, għat-teżi ta’ Yanika Schembri Fava fuq ‘L-Ironija fil-Versi Popolari Maltin’, u għas-sensiela ta’ programmi tar-radju ‘Mamo l-Veru u L-Amerka ta’ Mamo’. L-għażla tat-testi akkademiċi li se nibni l-analiżi tiegħi fuqhom kienet diffiċli, għax jeżisti għadd kbir ta’ xogħlijiet fuq dan is-suġġett li jaqbdu perspettivi u jużaw terminoloġija differenti. Għal din it-teżi għażilt li niffoka fuq kitba waħda biss ta’ Mamo, jiġifieri r-rumanz u mhux fuq il-poeżiji, in-novelli, u l-kitba ta’ proża l-oħra tiegħu biex ma ninfirixx iżżejjed u l-qarrejja jkollhom quddiemhom analiżi ta’ xogħol wieħed rappreżentattiv tal-kitba letterarja straordinarja ta’ Mamo. Barra minn hekk, diġà jeżisti studju ta’ Bernard Micallef fuq “L-arti satirika fin-novelli ta’ Juan Mamo.” Ir-rumanz ta’ Mamo huwa xhieda tal-kitba eklettika tiegħu u għaldaqstant hemm għadd kbir ta’ elementi stilistiċi u strateġiji narrattivi li nistgħu nanalizzaw. L-ironija hija fundamentali għaliex mhijiex element wieħed mill-ingredjenti iżda tikkaratterizza lpożizzjoni li se jieħu n-narratur eterodijeġetiku tiegħu matul ir-rakkont kollu. Għaldaqstant għalija ma kinitx tant kwistjoni ta’ liema episodji mir-rumanz se nanalizza, imma kif se nanalizzahom. Wara li qrajt ir-rumanz iżjed minn darba, ħadt noti tal-paġni fejn l-iżjed li spikkat l-ironija u wara analiżi bir-reqqa, qsamt dawn l-istanzi f’ironija verbali, l-ironija Romantika u l-ironija kosmika. It-tqassim skont it-tipi ta’ ironija kien ta’ għajnuna kbira għalija għax irnexxieli naqsam il-kapitli ta’ din it-teżi. Fl-ewwel kapitlu se nanalizza l-ironija verbali. Din l-ironija hija fost l-aktar komuni fir-rumanz għaliex tiffoka iżjed fuq il-lingwa u t-tħaddim tagħha. F’dan il-kapitlu se nħares lejn kif Mamo jittrasforma l-lingwa ta’ kuljum u permezz tagħha jironizza dwar listat miżeru li jinsab fih il-popolin minħabba l-injoranza li jinsab fiha. Permezz ta’ dan ilkapitlu se naraw varjanti tal-ironija verbali, fosthom l-ironija verbali stabbli u s-sarkażmu fejn il-kritika tiqras u tinbidel f’attakk niggieżi fil-konfront tal-persuna. Se naraw ukoll li lironija mhux dejjem se tkun divertenti, u għalhekk se nanalizza l-aspetti pożittivi u negattivi tal-ironija verbali. It-tieni kapitlu jiffoka fuq l-ironija Romantika, meta l-awtur joħroġ ’il barra minnarrazzjoni fittizja u jikxef il-preżenza tiegħu fir-rakkont filwaqt li tingħata prominenza lillvuċi tan-narratur. Mamo jinqeda bin-narratur eterodijeġetiku tiegħu biex jiġbed lattenzjoni tan-narratarji għal lingwa unika li qed juża. Barra minn hekk ifakkarna li l- istorja li qed jirrakkonta hu mhix id-dinja proprja u għalhekk se niddiskuti d-distanza bejn il-kelma u d-dinja. Lejn l-aħħar ta’ dan il-kapitlu se nħares lejn l-ironija romantika bħala anomalija fil-kuntest letterarju ta’ żmien Mamo. Fit-tielet kapitlu se nanalizza l-ironija kosmika, jiġifieri ironija li tiffoka fuq il-plott u r-rakkont aktar milli fuq il-lingwa u l-vuċi tal-awtur. Il-vjaġġ ta’ wlied in-nanna jispiċċa fixxejn u t-tmiem tagħhom huwa riżultat tad-destin kiefer li dejjem jippersegwitahom. Lironija l-kbira li niddiskuti f’dan il-kapitlu hija proprju li r-rumanz jibda Malta u jispiċċa Malta. Hawnhekk toħroġ b’saħħitha l-kapaċità ta’ Mamo fit-tħaddim ta’ tipi differenti ta’ ironija, għax waqt li fil-bidu tispikka l-ironija verbali, fl-aħħar tispikka l-ironija kosmika.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120180
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300000015697_1.PDF
  Restricted Access
986.86 kBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.