Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/4015
Title: Aspetti antropoloġiċi f' "Leli ta' Haz-Zghir" ta' Guze Ellul Mercer
Authors: Gauci, Maria (2011)
Keywords: Anthropology in literature
Maltese literature -- 20th century
Ellul Mercer, Guze, 1897-1961. Leli ta' Haz-Zghir -- Criticism and interpretation
Issue Date: 2011
Abstract: L-antropoloġija hi valida għal-letteratura daqskemm il-letteratura hi valida għall-antropoloġija. Fil-fatt, it-tnejn huma interdipendenti għax l-antropoloġija tagħti l-imġiba tal-komunità, il-forzi li jaħdmu fuq dik il-komunità u s-sistema organizzattiva tagħha. Mill-banda l-oħra, il-letteratura bil-mekkaniżmi artistiċi tagħha tikxef reazzjoni artistika, emottiva, immaġinattiva u kreattiva għal dawn is-sistemi soċjali li jiġu osservati fl-antropoloġija. L-antropoloġija torbot il-letteratura ma’ kuntest soċjali partikolari, kif ukoll ma’ testi kulturali (l-użanzi, l-istituzzjonijiet u l-prattiċi li jiffurmaw il-kultura ta’ pajjiż). Fil-fatt, kif isostni Stephen Greenblatt fl-ewwel kapitlu “The Touch of the Real,” fil-ktieb tiegħu u ta’ Catherine Gallagher, Practicing New Historicism, l-interpretazzjoni letterarja pprovdiet metodu fundamentali kif jingħarfu s-sistemi simboliċi kumplessi u r-rutini tal- ħajja li l-antropologi jistudjaw f’soċjetà. B’hekk ingħarfet rabta bejn l-antropoloġija u lletteratura, li permezz tagħha l-letteratura għamlet kuntatt mar-realtà daqskemm l-antropoloġija għarfet ir-reazzjonijiet kreattivi u artistiċi tal-letteratura għall-qagħda storika tal-bniedem. Greenblatt jissuġġerixxi li l-antropoloġija u l-letteratura huma kumplimentari (20-21). Iż-żewġ oqsma sikwit jiffukaw fuq il-kotra, l-antropoloġisti jistudjawha u jwassluha kif inhi mentri l-awtur letterarju jieħu d-dinja reali bħalma tiġi studjata fl-antropoloġija u jħallatha ma’ ħiliet kreattivi. Fit-tliet kapitli ewlenin li jsegwu ġew ittrattati diversi eżempji ta’ din l-interdipendenza bejn l-antropoloġija u l-letteratura. It-tieni kapitlu jiffoka fuq ir-reliġjon bħala forza dominanti fis-soċjetà. Fir-rumanz jinsabu diversi referenzi kemm diretti kif ukoll indiretti dwar l-importanza tal-istituzzjoni ekkleżjastika fil-ħajja tar-raħlin. Biex dan l-għan jintlaħaq l-argumenti tqassmu taħt tliet sottotitli: l-ewwel wieħed jintroduċi din it-tema bħala element antropoloġiku fil-ħajja Maltija u fir-rumanz, it-tieni sottotitlu janalizza diversi kuntrasti bejn dawk li jemmnu u l-ateu fir-rumanz u kif din l-istituzzjoni taffettwa l-ħajja tagħhom, u t-tielet taqsima tittratta l-intensità devozzjonali u spiritwali mqanqla mir-riti, miċ-ċerimonji u mill-kulturi. Fit-tielet kapitlu ġiet ittrattata t-tema tal-poter u l-abbuż tiegħu bħala forom ta’ oppressjoni fuq l-individwu. Dan l-argument tqassam fi tliet sottotitli li jiddiskutu l-poter fir-raħal: l-ewwel wieħed jagħti punti introduttivi fuq l-għamliet u l-effetti tal-poter, it-tieni wieħed jittratta forom impliċiti u espliċiti ta’ poter fir-raħal u t-tielet wieħed jiddiskuti l-privileġġi tal-poter għal xi wħud u r-restrizzjonijiet tal-istess poter għalloħrajn. Ir-raba’ kapitlu jiddiskuti t-tema tal-folklor u d-drawwiet konservattivi li jaħdmu kontra lintellett individwali. Fih ukoll hemm tliet sottotitli: l-ewwel wieħed jittratta punti introduttivi dwar il-folklor u d-drawwiet bħala identità Maltija, it-tieni wieħed jiddiskuti l-użanzi tar-raħal bħala mezz ta’ konformità, u l-aħħar wieħed jitkellem dwar lokalitajiet f’Ħaż-Żgħir li jsiru sinonimi ma’ mġiba partikolari. Din l-analiżi tistrieħ fuq diversi teoriji antropoloġiċi. Għat-teorija tar-reliġjon bħala element fundamentali fil-ħajja tar-raħli Malti segwejt lil Jeremy Boissevain li fil-ktieb tiegħu Saints and Fireworks: Religion and Politics in Rural Malta, jitkellem dwar l-għaqdiet reliġjużi li jgħallmu valuri marbutin mal-knisja. Boissevain jargumenta dwar listruttura ta’ ħafna mill-knejjes (ogħla aktar mid-djar u ġeneralment fiċ-ċentru) biex juri r-reliġjon bħala forza dominanti. Din it-teorija tixħet dawl fuq l-aspetti tar-rumanz li jittrattaw ir-reliġjon bħala istituzzjoni li tiddomina fuq ir-raħlin u tidderieġi dak li jagħmlu. In-narratur ta’ Ellul Mercer jagħti diversi referenzi diretti għall-importanza tar-reliġjon fuq in-nies ta’ Ħaż-Żgħir, saħansitra mill-kliem li jużaw.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/4015
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2011

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
11BAMAL017.pdf
  Restricted Access
1.65 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.