Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6807
Title: Il-kitbiet ta’ Juann Mamo fil-gazzetti
Authors: Micallef, Jessica
Keywords: Mamo, Gwann, 1886-1941 -- Criticism and interpretation
Maltese newspapers
Realism in literature
Issue Date: 2015
Abstract: Din it-teżi fiha ġabra ta’ kitbiet ta’ Juann Mamo li dehru fil-gazzetti. Dawn l-ittri, kitbiet ta’ opinjoni u avviżi li xxandru bejn is-snin għoxrin u tletin huma interessanti għaliex minkejja li dehru fil-gazzetti, Mamo juża Malti partikulari u li jitlob impenn min-naħa tal-qarrejja tiegħu. Dawn il-kitbiet jittrattaw temi politiċi, soċjali, lingwistiċi, u kulturali ta’ żmienu, bħall-faqar, l-edukazzjoni tal-poplu, lemigrazzjoni, l-isfruttament tal-massa tal-Maltin mill-klassi pprivileġġjata, ilħtieġa ta’ żvilupp ekonomiku, kwistjonijiet ta’ attwalità politika, u l-ħtieġa li lpoplu Malti jiddakkar mill-iżviluppi li kienu qegħdin iseħħu fl-Ewropa tal-Punent. Fost dawn il-kitbiet hemm għadd ta’ ittri, rapporti u kitbiet ta’ opinjoni mibgħutin minn bliet Ewropej b’mod speċjali minn Londra, Pariġi u Ruma, li f’għajnejn Mamo kienu l-ibliet li jekk kienu għadhom ma laħqux il-perfezzjoni, kienu jinsabu fit-triq għaliha. Dawn l-artikli jitkellmu dwar dak li kien qed iseħħ barra minn Malta filwaqt li magħhom jinseġ ir-riflessjonijiet tiegħu sabiex b’hekk il-Maltin jirrealizzaw li din tista’ tkun ir-realtà wkoll f’Malta. Kitbiet bħal dawn jidhru l-aktar fil-gazzetta Il-Ħmara bis-sensiela ta’ artikli li kiteb “Juann Mamo minn Londra.” Il-karattru polemikuż ta’ Mamo jidher f’ittri li jqanqlu dibattitu jew jirreaġixxu għal kitbiet li dehru fl-istampa lokali, bħall-polemika li kellu ma’ Pulitiku u l-artikli li fihom jindirizza lil Carmelo Mifsud Bonnici, il-Gross. Din it-teżi tiffoka fuq il-letterarjetà ta’ dawn il-kitbiet, apparentament mhux letterarji u tirrifletti fuq il-konfini bejn dak li hu letterarju u dak li mhux kitba ġurnalistika jew ta’ opinjoni fl-ittri. Għalhekk qabel ma jinqraw dawn l-artikli huwa importanti li jitqiegħdu fl-isfond storiku tagħhom, għaliex huwa hekk biss li tista’ ssir analiżi xierqa tal-karatteristiċi stilistiċi tagħhom. Minbarra l-analiżi kritika ta’ dawn il-kitbiet, dan il-proġett jinkludi ġabra annotata ta’ dawn il-kitbiet kollha ta’ Mamo li dehru fil-gazzetti u l-perjodiku Il- Bidwi. Il-ġabra saret direttament mis-sorsi oriġinali, sabiex b’hekk nevita li jkun hemm varjazzjoni minn dak li kiteb Mamo. Sabiex bdejt il-proċess tal-ġbir ta’ dawn l-artikli irreferejt għal kotba u teżijiet li minnhom bnejt lista ta’ madwar 200 kitba. Il-maġġorparti ta’ din il-lista nġabret mill-kotba ta’ Oliver Friggieri, Ġwann Mamo: Il-Kittieb tar-Riforma Soċjali (1984), u ta’ Francis Galea, Juann Mamo: Ħajtu u Ħilietu (2007); irreferejt ukoll għat-teżijiet ta’ Lara Marie Cilia, In- Novella ta’ Ġużè Ellul Mercer u Juann Mamo: studju komparattiv tax-xejriet narrattivi tagħhom u ta’ Clifford Jo Zahra, Il-Lingwa ta’ Juann Mamo bejn il-Qadim, il-Popolari u l-Ġdid Fjamant. Wara dan il-proċess, komplejt ir-riċerka tiegħi billi fittixt fil-gazzetti u l-perjodiċi li deherli li Mamo seta’ kiteb fihom u li jinsabu fil- Biblijoteka Nazzjonali u fis-sezzjoni tal-Melitensia fil-librerija tal-Università ta’ Malta.
Description: M.A.MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6807
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15MAMAL003.pdf
  Restricted Access
3.96 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.