Sensiela dwar il-Lingwa u l-Letteratura Maltija
Edituri: Adrian Grima u Michael Spagnol
Din is-sensiela ta’ studji akkademiċi bil-Malti għandha l-għan li toffri perspettivi kontemporanji fuq aspetti tal-lingwa u l-letteratura Maltija. Dawn l-istudji jirriflettu l-iżviluppi l-iktar riċenti fil-qasam tal-lingwistika u tat-teorija u l-kritika letterarja, anki fid-dawl tar-riċerka li qed issir barra minn Malta. Waqt li tħares lejn ix-xejriet differenti fiż-żewġ oqsma ta’ studju, din is-Sensiela dwar il-Lingwa u l-Letteratura Maltija tippreżenta wkoll studji interdixxiplinarji li jesploraw iż-żewġ oqsma flimkien.
Minbarra monografiji, is-sensiela tinkludi ġabriet ta’ studji li jħarsu lejn aspett jew fenomenu komuni minn angoli u dixxiplini differenti. L-edituri tas-sensiela se javviċinaw studjużi stabbiliti u oħrajn inqas magħrufin biex jissottomettu proposti li mbagħad jgħaddu mill-għarbiel ta’ esperti indipendenti fil-qasam magħżul. Il-kotba normalment ikunu ta’ bejn 200 u 300 paġna u jinqdew bis-sistema ta’ referenzjar tal-MLA jew tal-APA.