Fl-istudji tradizzjonali tal-letteratura Maltija, spiss qsamna l-proża f'żewġ taqsimiet ewlenin: in-novelli u r-rumanzi. Biss, fl-aħħar snin żdiedet ir-riċerka u l-produzzjoni tal-esej, ġeneru prożajku ieħor li qed joffri possibbiltajiet ġodda lill-kittieba Maltin. Id-Dipartimenti tal-Malti fl-Università u fil-Junior College qed jaħdmu flimkien sabiex dan il-ġeneru jasal ukoll lill-istudenti postsekondarji permezz ta' kors qasir fil-kitba tal-esej personali u letterarju, immexxi mill-Prof. Adrian Grima bħala parti mill-proġett Essays Beyond Borders. Dawn is-sessjonijiet saru mal-istudenti tal-Avvanzat li qegħdin fl-ewwel sena tagħhom fl-istudju tal-Malti ġewwa l-Junior College.