EN
Tista’ l-matematika tkun umoristika? U tista’ l-arti ssegwi regoli xjentifiċi? Il-festival annwali tax-xjenza u l-arti f'Malta, ix-Xjenza fil-Belt 2018, se juri kemm ix-xettiċi huma żbaljati. L-attivitajiet se jsiru l-Ġimgħa 28 ta’ Settembru mis-6pm sa nofsillejl fil-Belt Valletta. Dawk li jħobbu l-ispettaklu se jkollhom għażla kbira b’kunċerti bbażati fuq il-matematika, jazz, żfin u aktar.
Tista’ l-matematika tkun umoristika? U tista’ l-arti ssegwi regoli xjentifiċi? Il-festival annwali tax-xjenza u l-arti f'Malta, ix-Xjenza fil-Belt 2018, se juri kemm ix-xettiċi huma żbaljati. L-attivitajiet se jsiru l-Ġimgħa 28 ta’ Settembru mis-6pm sa nofsillejl fil-Belt Valletta. Dawk li jħobbu l-ispettaklu se jkollhom għażla kbira b’kunċerti bbażati fuq il-matematika, jazz, żfin u aktar.
Fi Pjazza Teatru Rjal se jkun hemm żfin bl-isem Zero sa l-Għaxra, storja bbażata dwar kif in-numri mmodifikaw mill-ġdid id-dinja tagħna. Iż-żeffiena Ġermaniża Margit Kuffemann qed toħloq biċċa xogħol interdixxiplinari b'kollaborazzjoni ma’ xjenzat tal-kompjuter.
Fl-istess teatru, wirja ta’ mużika jazz msemmija Jazzing the Golden Ratio se toffri esperjenza unika. F’dan il-kunċert imżewwaq b’taħdita, il-mużiċist Diccon Cooper se juża l-jazz flimkien mal-Golden Ratio biex joħloq kompożizzjoni oriġinali. B’ħidma mal-mathematician l-Profssoressa Cristiana Sebu (mid-Dipartiment tal-Matematika fil-Fakultà tax-Xjenza, fl-Università ta’ Malta) il-mużika se tkun ibbażata fuq in-Numri ta’ Fibonacci misjuba fin-natura u l-arti. Il-Prof Sebu se tiddeskrivi kif dawn in-numri kienu użati minn artisti minn żmien Picasso lura sa Leonardo Da Vinci.
Jekk tkun interessat biex sempliċement iddur dawra mal-festival, għandek issib xows żgħar tul Triq ir-Repubblika. Se jkun hemm varjetà ta’ xows qosra ta' 15-il minuta ‘l waħda b’taħlita ta’ xjenza u arti minn artisti Maltin u internazzjonali. L-illużjonista Gwilym Bugeja se turi x-xjenza wara l-illużjoni, il-fire spinners se jesebixxu kunċetti xjentifiċi, u x-xjentisti ta’ FameLab se jagħtu wirja b’ diskorsi kreattivi dwar ix-xjenza. Lara Agius se tagħti l-aħħar xow tar-radju fid-dinja. It-tim saħansitra se jġib f’Malta l-ispettaklu tax-xjenza Pollakka bl-isem Lost in Translation, filwaqt li l-kummidjant Spanjol il-Professur Eduardo Sáenz de Cabezón u l- akrobatiċi Maltese Motion se juru x-xjenza tal-ġisem uman permezz ta’ atti li jisfidaw il-gravità.
Quddiem il-bini tal-Qorti se jkun hemm xjentisti Maltin li huma mħarrġa f’esperimenti fil-pubbliku b’xow li jismu On Shoulders of Giants. Dan se jelenka kif l-umanità tista' titgħallem mill-iżbalji tagħha tal-imgħoddi biex ittejjeb il-ħajja tagħna.
Jekk ma tistax tattendi l-avvenimenti tal-Ġimgħa, l-għada s-Sibt (29 ta’ Settembru) se jkun hemm teatru dwar ix-xjenza fi Spazju Kreattiv u Piano Prodigies f'Pjazza Teatru Rjal. Waqt Piano Prodigies se jitkellem in-newroxjenzjat Dr Claude Bajada dwar kif il-mużika teffetwa l-moħħ. Din it-taħdita xjentifika se tkun komplimentata b’kunċert minn pjanisti tal-European Piano Teachers Association (EPTA) Malta. Il-pjanisti, li ġejjin minn Malta, ir-Renju Unit, Spanja u r-Russja, se jdoqqu kompożizzjonijiet mill-era ta’ Bach għal Chopin.
Il-Festival ix-Xjenza fil-Belt - Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej hu ffinanzjat mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-Programm Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-UE. Il-festival jitmexxa mill-Università ta’ Malta, mill-Kamra Maltija tal-Xjenzati u mill-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT), bi sħubija mal-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, MCAST, Esplora, JUGS Ltd, Studio 7, BPC International, GSD Marketing Ltd, Aquabiotech Ltd, MEUSAC, PBS, Spazju Kreativ, Pjazza Teatru Rjal, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Notte Bianca, Melita, More or Less Theatre, Trasport Malta u l-Kunsill Malti tal-Arti.
Tista’ ssegwi l-programm mis-sit: www.scienceinthecity.org.mt jew għal aktar aġġornamenti fuq il-paġna ta' Facebook.