L-applikazzjonijiet għad-Diploma fil-Letteratura Maltija fl-Università ta' Malta li se tibda f'Ottubru li ġej jagħlqu fl-aħħar ta’ Awwissu. Dan il-kors part-time ta' filgħaxija, b'żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa ta' tliet sigħat il-waħda, it-Tnejn u l-Erbgħa, huwa mifrux fuq sentejn. Dawk li huma interessati jistgħu japplikaw minn hawn: www.um.edu.mt/apply.
F’dan it-tieni ċiklu tad-Diploma se jkun hemm inqas enfasi fuq l-eżamijiet u iktar xogħol ta’ riċerka matul il-kors.
Id-Diploma tiffoka fuq l-analiżi u t-tħaddim tal-letteratura fis-seklu 21 u toffri bosta elementi differenti minn dawk tal-Baċellerat fil-Malti. Id-Diploma tiftaħ kull sentejn u qed titmexxa mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta. BNF Bank u l-Kunsill Malti għall-Arti qed joffru l-għajnuna finanzjarja tagħhom lill-istudenti li jmorru tajjeb fid-Diploma.
Dan il-kors huwa maħsub għal nies impjegati f’diversi setturi kulturali, artistiċi, u kreattivi relatati mal-preżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti. Huwa maħsub ukoll għal dawk li għandhom interess jaqbdu l-kitba kreattiva bis-serjetà , u dawk li għandhom sehem attiv fl-addattament tal-letteratura Maltija għal forom artistiċi u dixxiplini oħra. Se jinteressa wkoll lil dawk li sempliċiment għandhom passjoni għal-letteratura u jixtiequ jkabbru l-għarfien tagħhom tal-forom ta’ kitba kreattiva bil-Malti, kemm tal-imgħoddi kif ukoll tal-preżent.
Bi ftehim mad-Dipartiment tal-Malti, BNF Bank se jħallas il-miżata, sa massimu ta’ 2000 ewro, tal-kors tal-istudent jew l-istudenta li tiġi l-ewwel fil-kors, waqt li l-Kunsill Malti għall-Arti se jagħti għajnuna finanzjarja għall-aħjar erba' proġetti tal-istudenti fit-tieni sena tal-kors.
Id-deskrizzjoni dettaljata u avviżi oħra fuq il-kors jidhru kemm fuq is-sit tal-Università , kif ukoll fuq Facebook. Aktar tagħrif jista' jinkiseb b'ittra elettronika lil malti.arts@um.edu.mt jew b'telefonata fuq in-numru 2340 3387.