[EN]
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Università ta’ Malta fetħu l-bibien lejn futur ta’ kollaborazzjoni wara li ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim.
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Università ta’ Malta fetħu l-bibien lejn futur ta’ kollaborazzjoni wara li ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, l-Onor. Owen Bonnici qal, 'Permezz ta’ kultura ta’ twessigħ tal-orizzonti tagħna, nistgħu nħarsu lejn kollaborazzjonijiet bħal din bejn l-Università ta’ Malta u sit ta’ wirt dinji bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann bħala waħda progressiva u bħala mezz biex tintuża l-kompetenza biex jitjieb l-għarfien tagħna dwar monumenti bħal dawn.' Hu kompla jgħid, 'Ninsab ħerqan li nitgħallem u niskopri aktar permezz ta’ din l-isħubija u fl-istess ħin ċert li l-istudenti tagħna fl-Università ser japprezzaw dan il-monument aktar meta jkunu hawnhekk. Jeħtieġ li l-istorja u l-kultura rikki tagħna jkunu milqugħa mill-Maltin u l-Għawdxin biex hekk kull wieħed u waħda minna nistinkaw għal dak li l-gżejjer tagħna jirrappreżentaw fil-Mediterran.'
Wilfrid Buttigieg, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjega li 'dan huwa mument storiku, li qed iwitti t-triq għat-trasformazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann f’ċentru ta’ riċerka kemm għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti. Qed insejħulu storiku għax huwa biss biż-żmien li nistgħu napprezzaw il-frott ta’ dan il-bidu ġdid. Bħala Fondazzjoni għandna d-dmir skont l-istatut li nippubblikaw u nagħtu s-setgħa lir-riċerkaturi u lill-akkademiċi. Dan il-Memorandum ta’ Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess lill-Università ta’ Malta u l-Fakultajiet, Dipartimenti, u Istituti rispettivi għall-wirt kollu li jinsab fil-bini tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Mużew tiegħu. L-għan huwa li tinħoloq struttura ta’ kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku li tippromwovi l-avvanz u t-tixrid tal-għarfien, it-tagħlim u r-riċerka kif ukoll riżultati aħjar ta’ konservazzjoni u restawr.
Bħala Fondazzjoni aħna nemmnu li l-Università ta’ Malta hija istituzzjoni ewlenija. Il-Fondazzjoni tirrikonoxxi li r-riżorsi, l-ispeċjalizzazzjonijiet u l-kompetenza li jinsabu l-Università huma aktar minn dak li jidher u jkun ħażin jekk ma nikkultivawx potenzjal kollaborattiv bħal dan. F’pajjiż daqshekk żgħir bħal Malta, il-kollaborazzjoni hija essenzjali – wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-mudell, aħna ħerqana għal aktar kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall-MCAST, l-ITS, Heritage Malta u b’mod aktar speċifiku l-ġirien tagħna l-MUZA ftit bibien ’il bogħod, bl-għan li jinħoloq l-aqwa prodott olistiku, kulturali, akkademiku u turistiku possibbli, dejjem bl-appoġġ tal-Ministru għall-Kultura, l-Onor. Owen Bonnici u l-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof ta’ Malta.'
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li sforz kollaborattiv bħal dan mal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Gwann żgur se jibbenifika lir-riċerka akkademika u jtejjeb aktar l-għarfien dwar il-ġawhra unika storika u artistika li l-Konkatidral jirrappreżenta. Huwa qal, “Dan il-Ftehim jipprovdi l-opportunità għal studjużi tal-Università ta’ Malta li jesperjenzaw kuntest daqshekk manjifiku u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom f’monument ta’ klassi mondjali.'
Michael Pace Ross, rappreżentant tad-Djoċesi ta’ Malta faħħar is-sħubija bejn l-Istat u l-Knisja li issa qiegħda tiġi wkoll estiża lejn l-Università ta’ Malta. Huwa jemmen li 'l-Fondazzjoni qed jirnexxilha żżomm il-bilanċ korrett biex tikkoopera ma’ dawk kollha involuti u li tikseb riżultati meta tagħmel dan. It-turiżmu f’Malta bbażat fuq il-fidi jista’ jwassal sabiex titjieb l-esperjenza tal-viżitaturi fuq il-gżira tagħna.'
Il-Konferenza għall-istampa ġiet magħluqa mis-Sur Buttigieg li introduċa lil Dr Sebastiano D’Amico mill-Università ta’ Malta li dan l-aħħar mexxa ttestjar tal-lapidi bil-GPR (radar li jippenetra l-art), li pproduċa riżultati tassew affaxxinanti ta’ dak li hemm taħt uħud mil-lapidi fil-Konkatidral ta’ San Gwann.
ritratt: DOI - Jeremy Wannacott
ritratt: DOI - Jeremy Wannacott