Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) tat għotja ta’ €25,000 lill-Fond ta' Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp (RIDT) biex tkompli l-programm mediku speċjalizzat fir-riċerka tal-mard tal-kliewi fl-Università ta’ Malta (UM). Il-flus inizjalment ngħataw lil LifeCycle bħala parti mill-isponsorjar tat-titlu għall-2018 minn Foster Clark Products Ltd.
Il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry, fil-preżenza tar-Brand Manager għall-Afrika ta’ Foster Clark Adrian Bonello, ippreżenta l-flus lir-Rettur tal-Università u Chairman tal-RIDT il-Professur Alfred Vella. Fl-aħħar erba’ snin, il-LifeCycle Foundation għamlet donazzjonijiet li jammontaw għal €120,000 għar-riċerka dwar il-mard tal-kliewi.
Alan Curry qal: “Bħala parti mill-missjoni tal-Fondazzjoni LifeCycle, fl-2014 bdejna nagħtu appoġġ fir-riċerka medika tal-mard tal-kliewi. Għal dawn l-aħħar 19-il sena, ġbarna flus kull sena permezz tal-LifeCycle Challenge biex ngħinu għall-kura dejjem aħjar lill-pazjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi. Din is-sena qed noffru somma oħra ta’ € 25,000, grazzi għal Foster Clark, biex jitkompla l-programm ta' riċerka tal-LifeCycle.”
Adrian Bonello nnota li l-kumpanija tagħhom, Foster Clark, hi kuntenta li qed tappoġġja lil dan il-programm ta’ riċerka tal-kliewi fl-Università ta' Malta. Hu qal: "Meta l-Fondazzjoni LifeCycle avviċinatna bl-idea tagħhom, aħna immedjatament rajna li din il-proposta se tirriżulta f'appoġġ finanzjarju tanġibbli u b’hekk offrejna l-għajnuna għal sentejn konsekuttivi. Nittamaw li r-riċerka tal-kliewi li se titkompla tkun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Prof. Alex Felice flimkien mat-tim ta' xjentisti, fosthom ir-riċerkatriċi ewlenija Dr Valerie Said Conti u Esther Zammit bħalissa qed jinvestigaw dak li jikkawża li t-tfal jitwieldu b'anomaliji konġenitali fil-kliewi u fl-urinary tract (msejħa CAKUT). Dawn l-anomaliji, li jirriżultaw minn difetti fl-iżvilupp tal-kliewi qabel it-twelid u huma l-iktar kawża komuni ta’ mard tal-kliewi terminali fit-tfal huma meqjusa li qed jinħolqu mill-interazzjoni bejn fatturi ġenetiċi u dawk ambjentali li jinfluwenzaw il-modi ta' żvilupp.
Ir-riċerkaturi stabbilixxew biobank tal-marda tal-kliewi ta’ kwalità għolja fl-Università ta' Malta fejn il-kampjuni bioloġiċi minn familji tat-tfal b'CAKUT issa huma maħżuna. Ir-riċerkaturi ħarsu lejn il-fatturi ta’ riskju potenzjali waqt it-tqala u wettqu studji bl-ultrasound fuq il-qraba viċini ta’ dawn il-persuni. Kien iddeterminat li tlett individwi minn 26 (jiġifieri 11.5%) kellhom anomalija fil-kliewi li taqbel sew mal-istorja tal-familja b’10% skont kif rrappurtata fil-letteratura tar-riċerka.
Bl-użu tas-Sekwenza tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (Next Generation Sequencing), li hi teknoloġija moderna li tippermetti li l-ġenoma tal-bniedem tkun ssekwenzata malajr u b'dettall fil-fond, ir-riċerkaturi fl-UM identifikaw numru ta’ varjazzjonijiet fil-ġenomi li għandhom sehem fl-iżvilupp. Peress li CAKUT hi kklassifikata bħala marda rari u n-numru ta’ individwi studjati minn kwalunkwe grupp ta' riċerka hu wieħed żgħir, din id-dejta se tikkontribwixxi għall-ġabra akbar bil-għan li jkunu żviluppati miżuri preventivi u terapija individwalizzata fil-futur.
Il-Professur Felice qal: “Se nkunu nistgħu nħarsu lejn il-mekkaniżmi fiżjoloġiċi fundamentali tal-iżvilupp tal-kliewi u nistudjaw aktar fil-fond l-effett ta’ dawn u forsi ta’ varjazzjonijiet oħra tal-ġeni fit-tfal u l-adulti. Il-biobank tal-kliewi l-ġdid jagħti lilna u lill-familji Maltin l-opportunità li ningħaqdu ma’ programmi kbar ta' riċerka ma’ kollaboraturi minn pajjiżi oħra.”
Il-Professur Vella qal: "Nirringrazzjaw lill-Fondazzjoni LifeCycle li għenitna nħejju s-sisien essenzjali għar-riċerka tal-kliewi f'Malta. Bl-għotja tal-lum, se nkunu nistgħu nkomplu nsostnu l-investiment tagħna biex tikber ir-riċerka fuq il-mard tal-kliewi.”
Ritratt (xellug): Mix-xellug iċ-Chairperson ta’ LifeCycle Dr Shirley Cefai, il-Prof Alfred Vella, Alan Curry u Adrian Bonello waqt il-preżentazzjoni tal-għotja lill-Fond ta' Riċerka tal-Università ta’ Malta
Ritratt (lemin): Il-Prof. Alfred Vella jirċievi d-donazzjoni mingħand Adrian Bonello fil-preżenza ta’ Alan Curry. Mix-xellug iċ-Chairperson ta’ LifeCycle Dr Shirley Cefai, il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT Wilfred Kenely u l-Prof. Alex Felice