[EN]
Għall-ħames sena konsekuttiva, it-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA) ser jgħin riċerkaturi u intraprendituri bit-teknoloġiji u kunċetti ta’ negozju innovattivi tagħhom. Ser jingħata total ta’ €100,000 permezz ta’ proċess kompetittiv fejn dawk l-applikazzjonijiet li huma miktubin bl-aqwa mod jiġu magħżula biex l-applikanti jkollhom iċ-ċans jipperswadu l-panel ta’ ġurija, u l-aqwa applikanti jirċievu l-finanzjament.
Għall-ħames sena konsekuttiva, it-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA) ser jgħin riċerkaturi u intraprendituri bit-teknoloġiji u kunċetti ta’ negozju innovattivi tagħhom. Ser jingħata total ta’ €100,000 permezz ta’ proċess kompetittiv fejn dawk l-applikazzjonijiet li huma miktubin bl-aqwa mod jiġu magħżula biex l-applikanti jkollhom iċ-ċans jipperswadu l-panel ta’ ġurija, u l-aqwa applikanti jirċievu l-finanzjament.
Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB) u l-Università ta’ Malta nedew l-edizzjoni ta’ TOSFA għas-sena 2018, bl-għajnuna ta’ dawn it-taqsimiet tal-Università ta’ Malta: Knowledge Transfer Office (KTO), TAKEOFF Business Incubator, u Centre for Entrepreneurship and Business Incubation (CEBI).
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Dr Christian Cardona qal “Il-futur ekonomiku tagħna jiddependi fuq it-talent li nrawmu llum. Ix-xena tal-istart-ups tagħna hija rrankata u dan is-seed funding huwa essenzjali għar-riċerka u biex il-viżjoni tal-intraprenditorija promettenti tinbidel f’realtà kummerċjali.”
Intraprendituri u start-ups li qegħdin jaħdmu fuq ideat għal prodotti u servizzi innovattivi huma mħeġġa japplikaw għal Seed funds li jlaħħqu sa €20,000, u li huma intenzjonati li jwassluhom pass eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment tagħhom. Riċerkaturi li qed jaħdmu fuq innovazzjonijiet żviluppati permezz tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Università ta’ Malta jistgħu japplikaw għall-fondi Proof of Concept li jgħinuhom iqarrbu t-teknoloġija tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni. Ir-rebbieħa ta’ TOSFA jirċievu wkoll mentoring u appoġġ għall-isforzi tagħhom minn TAKEOFF u Knowledge Transfer Office.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella qal, “L-aħħar erba’ ċikli tat-TAKEOFF Seed Fund Award għenu 21 start-up u 12-il proġett proof of concept biex iressqu l-inizzjattivi tagħhom eqreb lejn il-kummerċjalizzazzjoni. Ninsabu ħerqana biex naraw il-ħames ċiklu tal-Premju x’ser jattira.”
Fit-2 ta’ Mejju sejrin isiru workshops għar-riċerkaturi tal-Università (fondi għal Proof of Concept) u fil-5 ta’ Mejju għall-intraprendituri (Seed Funds) biex jiġi spjegat il-proċess ta’ applikazzjoni u jiġu pprovduti l-ħiliet u l-għodda meħtieġa biex tinħoloq proposta kompetittiva. Għall-ewwel darba mill-bidu tal-Premju, dawn il-workshops huma obbligatorji għall-applikanti kollha interessati, u l-formola tal-applikazzjoni finali tkun aċċettata biss jekk l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom jirreġistraw u jattendu l-workshop TOSFA rispettiv.
Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet bil-miktub għal TOSFA hija l-Ġimgħa 18 ta’ Mejju f’nofsinhar. Għal aktar dettalji żuru www.takeoff.org.mt.