Il-Fakultà tal-Edukazzjoni – Laqgħa dwar l-Istrateġija. 4 ta’ Ġunju 2018
[EN]
Dan l-aħħar, fl-okkażjoni tal-40 Anniversarju tagħha, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, fl-Università ta’ Malta, organizzat numru ta’ avvenimenti dwar l-edukazzjoni tal-għalliema u r-riċerka edukattiva. Waħda minn dawn l-inizjattivi kkonċernat l-istrateġija tal-Fakultà nnifisha, u kienet immirata biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ xenarju edukattiv li qed jinbidel b’mod mgħaġġel. Din saret bl-appoġġ tar-Rettorat tal-Università, b’mod partikulari permezz tal-intervent dirett tal-Prof. Tanya Sammut Bonnici, Pro-Rettur tal-Ippjanar Strateġiku u l-Intrapriża (Strategic Planning & Enterprise).
Dan l-aħħar, fl-okkażjoni tal-40 Anniversarju tagħha, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, fl-Università ta’ Malta, organizzat numru ta’ avvenimenti dwar l-edukazzjoni tal-għalliema u r-riċerka edukattiva. Waħda minn dawn l-inizjattivi kkonċernat l-istrateġija tal-Fakultà nnifisha, u kienet immirata biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ xenarju edukattiv li qed jinbidel b’mod mgħaġġel. Din saret bl-appoġġ tar-Rettorat tal-Università, b’mod partikulari permezz tal-intervent dirett tal-Prof. Tanya Sammut Bonnici, Pro-Rettur tal-Ippjanar Strateġiku u l-Intrapriża (Strategic Planning & Enterprise).
It-tieni inizjattiva kienet koordinata mill-Malta Review for Educational Research, permezz tax-xogħol tal-Prof. Carmel Borg, u pprovdiet forum għar-riflessjoni dwar is-sistema tal-Kulleġġi li ġiet introdotta f’Malta xi ftit snin ilu. Tliet riċerkaturi, Dr Mario Cutajar, Dr Sandro Spiteri u Dr Denise Mifsud, ippreżentaw ir-riċerka tad-dottorat tagħhom lill-Prinċipali tal-Kulleġġi u lill-awtoritajiet edukattivi, fil-preżenza tal-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Is-7 ta’ Ġunju rrappreżenta okkażjoni speċjali għall-Fakultà tal-Edukazzjoni – minbarra riċeviment għall-istaff tal-Fakultà kemm dawk preżenti kif ukoll dawk ta’ qabel, tnediet pubblikazzjoni sabiex tagħti ġieh lil wieħed mill-membri l-aktar importanti tal-Fakultà, il-Prof. Frank Ventura, li bħalissa huwa l-President tal-MATSEC. Il-ktieb, li ġie editjat mill-Prof. Deborah Chetcuti, Dr Michael Buhagiar u Dr Martin Musumeci, jinkludi numru ta’ xogħolijiet tal-Prof. Frank Ventura stess, kif ukoll artikli oħra li jittrattaw l-Edukazzjoni Xjentifika, l-Astronomija u l-Valutazzjoni. Il-ktieb jismu Reaching for the stars with a passion for Science and Education (Nippruvaw Immissu l-Kwiekeb b’Passjoni għax-Xjenza u l-Edukazzjoni).
Fl-aħħarnett, fit-8 u d-9 ta’ Ġunju, il-Fakultà tal-Edukazzjoni organizzat il-konferenza internazzjonali ‘Teacher Education and Educational Research in the Mediterranean (TEERM)’ (L-Edukazzjoni tal-Għalliema u r-Riċerka Edukattiva fil-Mediterran). Din ġabret flimkien riċerkaturi edukattivi, dawk li jfasslu l-politika, edukaturi u professjonisti mill-Ewropa u lil hinn.
Din il-konferenza, li kienet organizzata flimkien maċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għar-Riċerka Edukattiva u l-Konferenza tal-Assoċjazzjoni ta’ Malta għar Riċerka Edukattiva, indirizzat id-domanda dejjem tikber għal ħaddiema kwalifikati ħafna, kapaċi jimpenjaw ruħhom b’mod attiv f’attivitajiet innovattivi soċjali u relatati max-xogħol li jistgħu jirrispondu għall-isfidi tas-soċjetà moderna.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, id-Dekan, il-Prof. Sandro Caruana, qal li l-missjoni u l-viżjoni tal-Fakultà tal-Edukazzjoni huma iffukati b’mod ċar fuq il-fatt li wieħed ma jistax jagħmel kompromessi fejn tidħol l-edukazzjoni. Huwa enfasizza l-importanza tal-ippjanar fit-tul u d-dipendenza fuq appoġġ ibbażat fuq evidenza meta jittieħdu deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-politika u l-ippjanar tal-edukazzjoni. Dawn, flimkien mal-għoti tar-rispett mistħoqq lill-edukaturi kollha, u l-għarfien b’mod adegwat tal-irwol fundamentali li għandhom fis-soċjetà tal-lum, huma l-karatteristika ta’ sistema edukattiva ta’ suċċess.
Il-konferenza TEERM fissret opportunità biex tissaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-Fakultà, u biex jittejjeb l-involviment tagħha fis-soċjetà tagħna għall-benefiċċju tal-edukaturi u l-istudenti kollha. Aktar minn mitejn akkademiku ħadu sehem f’din il-konferenza, u kellhom l-opportunità li jinvolvu ruħhom ma’ kelliema ewlenin tal-kalibru tal-Prof. Carmel Borg, il-Prof. Andrè Mazawi (University of British Columbia, Canada) u l-Prof. Marilyn Cochran-Smith (Lynch School of Education, Boston College). Numru ta’ awtoritajiet edukattivi lokali attendew għal dawn l-avvenimenti, u kienu appoġġjati mill-Prof. Godfrey Baldacchino, Pro-Rettur tal-Iżvilupp Internazzjonali u Assigurazzjoni tal-Kwalità (International Development & Quality Assurance), bħala rappreżentant tar-Rettorat tal-Università ta’ Malta.