Fl-ewwel ta’ Ottubru, tnieda lokalment il-proġett MEDIWARN fl-Iskola Medika tal-Università ta’ Malta. Dan il-proġett huwa wieħed mill-proġetti sponsorjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, magħżula mill-Interreg Italja-Malta 2014-2020. B’mod partikulari, il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Catania (permezz tal-Fakultà tal-Inġinerija), l-Università ta’ Malta (permezz tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija), u l-Policlinico Vittorio Emanuele ta’ Catania.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tiġi żviluppata sistema kontinwa ta’ monitoraġġ għal żona ta’ kura akuta, li twassal l-informazzjoni lil sistema ta’ twissija intelliġenti. MEDIWARN tkun tista’ hekk tanalizza din l-informazzjoni f’ħin reali. Bl-użu ta’ fuzzy logic avvanzat, din l-analiżi tkun tista’ tipprevedi meta pazjenti jkunu se jibdew jiddeterjoraw. Hekk, billi tinġibed l-attenzjoni tal-istaff mediku għal dawn is-sitwazzjonijiet, is-sistema MEDIWARN tkun tista’ tippermetti interventi iktar bikrin, b’possibbiltà ogħla ta’ suċċess li l-pazjenti jkunu kkurati.
MEDIWARN hija diskussjoni attiva bejn esperti mediċi f’Catania u f’Malta, li se twassal għal mudell li jipprevedi l-qagħda tas-saħħa tal-pazjent. Dan il-mudell wara jiġi tradott f’algoritmi tal-kompjuter minn inġiniera fl-Università ta’ Catania. Il-proġett kollu għandu jdum tletin xahar, inkluża l-validazzjoni tas-sistema f’ambjent kliniku, ,
Bl-għajnuna tal-imsieħba ewlenin, l-Università ta’ Catania, iż-żewġ imsieħba l-oħra, l-Università ta’ Malta u l-Policlinico Vittorio Emanuele, ser ikunu qed jużaw riżorsi offruti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, biex jgħinu li jsir impatt fuq il-kura tas-saħħa mhux biss fiż-żewġ reġjuni, iżda wieħed jittama, saħansitra globalment. Dan il-proġett ser iservi wkoll bħala bażi għal kollaborazzjoni fil-ġejjieni ma’ ċentri f’Catania.