Nhar it-Tnejn, 4 ta’ Ġunju, 2018, l-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika tal-Kolombja onorat lill-Malti Joseph Buhagiar bit-titlu ta' Kavallier.
Iċ-ċerimonja uffiċjali seħħet fil-Kampus tal-belt Valletta tal-Università ta’ Malta fil-preżenza tal-Ambaxxatur Kolombjan Juan Rafael Mesa Zuleta. Kien l-istess Ambaxxatur li f’isem il-President tal-istess pajjiż ippremja lil Joseph Buhagiar b’dan it-titlu.
Fiċ-ċerimonja kienu preżenti wkoll Juan Guillermo Castro, id-Direttur Ewropew tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kolombja, persunal tal-Università ta’ Malta kif ukoll Kolombjani jgħixu f’Malta.
Dr Inġ. Buhagiar huwa minn Ħal Qormi, u huwa lettur fl-Università ta’ Malta fid-Dipartiment tal-Metallurġija u l-Inġinerija tal-Materjali. Huwa wkoll il-Konslu Onorarju tal-Kolombja f’Malta.
Dr Inġ. Buhagiar għandu profil akkademiku, u dan huwa s-sies li minnu jaħdem sabiex jagħti appoġġ kontinwu lil studenti Kolombjani f’Malta. Permezz ta’ dan il-profil, irnexxielu jsawwar rabtiet bejn Universitajiet miż-żewġ pajjiżi. Il-gvern Kolombjan jirrikonoxxi dan il-mertu professjonali u daqstant ieħor iħoss li x-xogħol tiegħu ħaqqu kull tifħir. Grazzi għax-xogħol u d-dedikazzjoni konsistenti tiegħu ppromwova u salvagwardja l-interessi tal-pajjiż tal-Kolombja, u taċ-ċittadini tiegħu. Huwa għalhekk li ġie ppremjat b’dan l-unur.
L-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika tal-Kolombja ġie mwaqqaf fl-1981, bl-iskop li jonora u jippromwovi Kolombjani, kif ukoll nies minn barra l-pajjiż li jkunu ta’ servizz eċċellenti għall-pajjiż, wettqu atti erojċi, kif ukoll dawk kollha li ddedikaw ħajjithom lejn il-valuri nazzjonali speċjalment fl-oqsma tal-pedagoġija, kultura, sport u xogħol soċjali.