MT
Il-Malta Airport Foundation tisponsorja xogħol ta’ riċerka mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti tal-Università ta’ Malta
Il-Malta Airport Foundation tisponsorja xogħol ta’ riċerka mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti tal-Università ta’ Malta
Il-Malta Airport Foundation qed tisponsorja xogħol ta’ riċerka mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Fix-xhur li ġejjin, id-Dipartiment se jwettaq l-istudju ta’ pittura li Dr Charlene Vella tattribwixxi lil Antonio de Saliba. Dan huwa Trittiku ddedikat lill-Verġni tas-Sokkors li fil-pannell tan-nofs juri lill-Madonna tas-Sokkors u lil San Pietru u San Ġakbu fil-ġnub kif ukoll xeni tal-Lunzjata u l-Golgota f’kull waħda mill-ponot ta’ fuq tat-tliet pannelli.
It-Trittiku jifforma parti mill-kollezzjoni tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u se jkun it-tieni pittura minn din il-kollezzjoni li se tkun studjata wara r-restawr li tlesta s-sena l-oħra fuq il-predella ta’ Salvo d’Antonio maħduma b’sengħa kbira fl-1510 u li turi s-Salvator Mundi u l-appostli.
Fl-imgħoddi, dan it-Trittiku tgħatta b’saffi ħoxnin ta’ żebgħa, u dan ixekkel studju xieraq tax-xogħol u l-attribuzzjoni tiegħu. Fil-passat, it-Trittiku ġie attribwit lil artisti oħrajn b’konnessjoni mal-artist rinomat Sqalli tar-Rinaxximent tas-Seklu Ħmistax, Antonello da Messina (c. 1430-79): Giovannello d’Itala u Salvo d’Antonio.
L-interventi li ser isiru bħala parti minn din l-inizjattiva ta’ riċerka jinkludu analiżi fil-fond tal-injam użat u l-pigmenti. Barra minn hekk, il-pannelli ser jiġu skannjati fi 3D u ser tintuża sistema ta’ Scientific Software Management fejn l-informazzjoni li tinkiseb mir-riżultati xjentifiċi ser tiġi inkorporata f’immaġini b’ħafna saffi. Dan itejjeb l-għarfien tagħna tal-pittura u l-għamla tagħha, kif ukoll ikun possibbli li r-riżultati jiġu ppreżentati b’mod interattiv. Din ser tkun l-ewwel pittura fil-gżejjer Maltin li ser tiġi studjata b’mod 3D.
Ir-riżultati ser jgħinu biex jikkonsolidaw l-attribuzzjoni ta’ Dr Vella billi ser ikunu mqabbla ma’ żewġ xogħlijiet dokumentati ta’ Antonio de Saliba, jiġifieri il-Madonna bil-Bambin bl-Anġli, u d-Depożizzjoni tal-1515 fil-Knisja ta’ Santa Maria ta’ Ġesù fir-Rabat.
It-Trittiku tal-Madonna tas-Sokkors jista’ fiċ-ċert jiġi assoċjat mat-testment tal-1493 tan-nobbli Pietro Vaccaro. Vaccaro ħalla 7 uncie biex jiġi kkummissjonat u esegwit kwadru għall-artal privat tiegħu fil-Katidral tal-Imdina tal-Medjuevu Tardiv fi żmien sentejn mill-mewt tiegħu, iżda, l-isem tal-artist ma kienx speċifikat.
Kif tirrimarka Dr Vella, “Dan it-Trittiku, li oriġinarjament kien jappartjeni lill-artal ta’ familja Maltija ta’ qagħda soċjali tajba, huwa riflessjoni diretta tal-patroċinju infurmat li patruni Maltin kellhom fl-aħħar tas-seklu ħmistax.”
Dr Vella u l-Professur Mario Buhagiar mill-istess Dipartiment ilhom mill-2010 jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom għall-istudju u r-restawr ta’ pitturi tar-Rinaxximent li jeżistu f’Malta li għandhom rabta li għandha x’taqsam mal-familja ta’ Antonello da Messina. Il-pitturi, li bħalissa jinsabu ż-Żejtun, ir-Rabat u fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, saru fl-aħħar snin tas-seklu ħmistax u l-ewwel għoxrin sena tas-seklu sittax minn tnejn min-neputijiet ta’ Antonello da Messina, il-kuġini Salvo d’Antonio u Antonio de Saliba.
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, laqa’ l-għotja għar-riċerka u rringrazzja lill-Malta Airport Foundation għall-għajnuna li offriet. Huwa rringrazzja wkoll lill-Mużew tal-Katidral tal-Imdina. Il-Prof. Vella qal li “l-Università ser tkompli bi kburija tappoġġja riċerka bħal din li tipprovdi, fost affarijiet oħra, konferma oħra li Malta, qabel l-1530 – jiġifieri qabel il-wasla tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann – ma kinitx deżert artistiku, u kellha xogħlijiet raffinati tal-arti tagħha stess”.
Il-President tal-Malta Airport Foundation, is-Sur Fredrick Mifsud Bonnici, spjega li dan il-proġett ta’ riċerka huwa konformi mal-missjoni tal-Fondazzjoni li tissalvagwardja u tqajjem aktar kuxjenza lejn il-wirt kulturali, ambjentali u artistiku ta’ Malta, fi sforz biex tarrikkixxi dak li toffri l-gżira kemm lin-nies lokali kif ukoll lit-turisti. Huwa wkoll esprima s-sodisfazzjon li, permezz ta’ din l-għotja, il-fondazzjoni ser tkun qed tikkollabora ma’ waħda mill-aktar istituzzjonijiet rispettati fuq il-gżira biex titfa’ dawl fuq biċċa xogħol tal-arti li għandha mijiet ta’ snin.
It-testijiet dijanjostiċi, il-konservazzjoni u r-restawr tal-pannelli ġew fdati f’idejn PrevArti u għandhom jieħdu seba’ xhur biex jitlestu.
Din ir-riċerka hija possibbli bis-saħħa tal-Università ta’ Malta, it-tmexxija tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, kif ukoll il-Malta Airport Foundation.