Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni tal-Università ta’ Malta u Heritage Malta ser jidħlu fi sħubija, taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, għall-konservazzjoni taċ-ċiklu ta’ pitturi fuq il-ħajt li juru avvenimenti importanti tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta tal-1565 u li jinsabu fl-Awla tal-Kunsill Suprem fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
Il-pitturi fuq il-ħajt li jirrappreżentaw l-Assedju l-Kbir saru mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio (1547 sa qabel l-1616) li fl-1577 kien mistieden mill-Gran Mastru Fra Jean de Cassiere (1572-1581) innifsu speċifikament biex jiġi Malta u jpitter l-avvenimenti tal-Assedju l-Kbir. Ta’ min ifakkar li l-Gran Mastru nnifsu kien veteran tal-Assedju l-Kbir. L-Assedju l-Kbir huwa rrappreżentat fi 12-il episodju b’intervalli ta’ figuri allegoriċi bħala freġju li jżejjen il-parti ta’ fuq tal-ħitan tal-awla. Dawn l-episodji jippreżentaw l-assedju ta’ erba’ xhur f’sekwenza narrattiva.
Iċ-ċiklu ta’ d’Aleccio huwa l-aktar dokument viżwali dettaljat u preċiż storikament tal-Assedju nnifsu. Imsejsa fuq ħafna rakkonti ta’ xhieda diretta u narrattivi miktuba, dawn il-pitturi jagħmlu parti minn dokument storiku importanti, li jservi bħala simbolu dejjiemi li jiddefinixxi l-identità Maltija filwaqt li huwa wkoll punt importanti fl-istorja tal-arti f’Malta.
Iċ-ċiklu kien parzjalment ikkonservat fl-2001-2005 mill-Università ta’ Dresden, iżda l-proġett ma kienx komplut, u bejn wieħed u ieħor terz tal-pitturi tħallew fil-bżonn ta’ konservazzjoni.
Dan il-proġett ta’ tliet snin ser itemm ix-xogħol li kien inbeda fl-elfejnijiet bl-użu ta’ metodi ta’ konservazzjoni aġġornati li ser jistabbilizzaw l-aħħar terz tal-pitturi. Il-konservazzjoni tinkludi t-tneħħija ta’ ħmieġ fil-wiċċ li bħalissa jdallam il-pitturi tal-ħajt filwaqt li ttejjeb il-leġibilità taċ-ċiklu kollu kemm hu.
Dawn ix-xogħolijiet ta’ konservazzjoni ser ikunu ġestiti u sorveljati mill-konservaturi professjonali ta’ pitturi fuq il-ħajt mid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni fl-Università ta’ Malta kif ukoll minn konservaturi professjonali minn Heritage Malta u entitajiet oħra. Il-proġett jinkludi l-parteċipazzjoni sħiha tal-gradwati li qed isegwu l-kors tal-MSc in the Conservation of Decorative Surfaces fid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni. Fil-fatt dan huwa parti essenzjali mill-kors ta’ Master li qed jiġi segwit minn dawn il-gradwati. Kuraturi ta’ Heritage Malta se jkunu qed jagħtu pariri dwar l-aspetti tal-proġett marbuta mal-Istorja u l-Istorja tal-Arti.
Dettalji dwar il-proġett biex jiġi kkonservat iċ-ċiklu ta’ pitturi tal-ħajt tal-Assedju l-Kbir minn Perez d’Aleccio ngħataw dalgħodu waqt konferenza għall-istampa li saret fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastru.
Il-proġett ta’ konservazzjoni huwa skedat li jibda f’Ottubru 2018, bit-tmiem tiegħu propost għal Lulju 2021. L-ispiża involuta fuq dan il-perijodu ta’ tliet snin tilħaq it-300,000 ewro.
Ir-Research Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT) ingħata l-inkarigu li jsib it-€300,000 ewro meħtieġa għal dan il-proġett ta’ tliet snin u qed jappella għal appoġġ filantropiku u ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva mis-setturi kollha tas-soċjetà. L-RIDT għandu l-pjaċir jinnota li l-Fondazzjoni Gasan diġà kkommettiet ruħha li tappoġġja l-proġett b’donazzjoni inizjali ta’ 50,000 ewro, li ser tippermetti lill-proġett biex jibda. Qed isiru wkoll diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra li diġà wrew interess li jappoġġjaw il-proġett.