Riċerkaturi mill-Università ta’ Malta qed jispjegaw ir-riċerka tagħhom
Erba' riċerkaturi tal-Università rċevew għotjiet li jammontaw għal EUR 60,000 mill-Fond tar-Riċerka tal-Università f’erba’ kategoriji magħżula, fosthom Life Sciences /Mediċina /Saħħa, Teknoloġija tal-Informatika /Inġinerija /Ambjent Mibni, Xjenzi Naturali /Ekonomija /Ġestjoni / Kontabilità, u l-Arti /Umanistiċi /Xjenzi Soċjali.
Dan tħabbar waqt l-ftuħ tas-seba’ edizzjoni ta’ Xjenza fil-Kamra (Science in the House) fil-Bini tal-Parlament, il-Belt Valletta nhar il-Ħamis 27 ta' Settembru. Din il-wirja qed tkun ospitata mill-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia, li flimkien mal-Membri Parlamentari, iltaqa’ max-xjentisti riċerkaturi.
L-avveniment jinawgura l-ftuħ ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej – Ix-Xjenza fil-Belt li se ssir fil-Belt Valletta illum mis-6.00pm ‘l quddiem. Bħala parti mic-ċelebrazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u l-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, it-tema tal-2018 hi 'Xjenza hi Kultura'.
Ix-Xjenza fil-Kamra hi attività ewlenija tal-festival annwali li tressaq flimkien xjentisti u politiċi taħt saqaf wieħed. Isservi ta’ forum li juri 16-il proġett ta' riċerka xjentifika fl-Università ta’ Malta u f'postijiet oħra f'Malta.
Riċerki oħra tax-xjenza għall-wiri jinkludu teknoloġiji mediċi elettromanjetiċi, monitoraġġ tat-terremoti, mikroalki tal-baħar u tibdil fil-klima, enerġija elettrika li tiġġedded, disinn fuq il-kompjuter ta' drogi ġodda u identifikazzjoni u trattament kontra l-kanċer, konservazzjoni ta’ manuskritti antiki, kif ukoll tant aktar.
Ix-Xjenza fil-Kamra se tibqa’ miftuħa fil-Bini tal-Parlament sa nhar is-Sibt 6 ta' Ottubru, jiġifieri sa Notte Bianca.
Il-Festival Xjenza fil-Belt - Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej hu ffinanzjat mill-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie tal-Programm Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-UE. Il-festival jitmexxa mill-Università ta’ Malta, mill-Kamra Maltija tal-Xjenzati u mill-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT), bi sħubija mal-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Segretarju Parlamentari ghas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, MCAST, Esplora, JUGS Ltd, Studio 7, BPC International, GSD Marketing Ltd, Aquabiotech Ltd, MEUSAC, PBS, Spazju Kreativ, Pjazza Teatru Rjal, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Notte Bianca, Melita, More or Less Theatre, Transport Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Tista’ ssegwi l-programm mis-sit: www.scienceinthecity.org jew ghal aktar aggornamenti fuq il-pagna ta' Facebook: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta