[EN]
Seba’ timijiet ta’ intraprendituri u riċerkaturi rċevew total ta’ 100,000 ewro fil-ħames edizzjoni tat-TAKEOFF Seed Fund Awards. Il-preżentazzjonijiet saru mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona, u TAKEOFF Business Incubator fl-Università ta’ Malta.
Seba’ timijiet ta’ intraprendituri u riċerkaturi rċevew total ta’ 100,000 ewro fil-ħames edizzjoni tat-TAKEOFF Seed Fund Awards. Il-preżentazzjonijiet saru mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona, u TAKEOFF Business Incubator fl-Università ta’ Malta.
Il-Ministru qal li 'L-Ekonomija ta’ Malta hija b’saħħitha u l-politiki tagħna qed iwasslu għal tkabbir ekonomiku kostanti. Iżda, il-futur ekonomiku tagħna jiddependi fuq it-talent li nrawmu llum. Il-Gvern huwa ħerqan biex jgħin lit-talent lokali u jippremja lil dawk li huma determinati li jirnexxu. Permezz tat-TAKEOFF Seed Fund Awards, il-Gvern ikun jista’ tassew jistimula ħafna stejjer ta’ suċċess dwar kumpaniji start-up.'
Ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred Vella, ippresieda ċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni, li għaliha attendew ukoll Ms Nancy Caruana, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar; il-Prof. Ing. Saviour Zammit, Pro-Rettur, Research and Knowledge Transfer; il-Prof. Russell Smith, Direttur ta’ Centre for Entrepreneurship and Business Incubation, u Dr Ing. Anton Bartolo, Direttur tal-Knowledge Transfer Office.
Ir-Rettur qal li 'il-fondi mogħtija permezz tat- TAKEOFF Seed Fund Award diġà għenu numru ta’ intrapriżi ġodda u riċerkaturi jagħmlu dik il-qabża biex l-inizjattiva tagħhom tirnexxi. Aħna ħerqana li nilqgħu lis-seba’ timijiet fostna u nistennew li naħdmu fil-qrib magħhom sabiex l-idea tagħhom issir storja ta’ suċċess.'
Kien hemm total ta’ disgħa u tletin sottomissjoni għas-Seed Fund (Fond ta’ Kapital Inizjali), u l-aqwa tlettax intgħażlu biex jipperswadu lill-Bord tal-Aġġudikazzjoni bl-ideat tagħhom. Ir-rebbieħa finali fil-kategorija tal-Proof of Concept kienu: CRISP - biex jevalwa l-attrazzjoni u l-konformità ta’ SPEECHIE, apparat multi-modali li jiffaċilita t-terapija tal-lingwa għat-tfal fl-ambitu kliniku u lil hinn minnu. DRIFT – sistema għall-monitoraġġ tat-temperatura li tintlibes fiż-żarbun li tipprovdi analiżi komprensiva u f’ħin reali tad-data sabiex tipprevjeni kumplikazzjonijiet fis-saqajn f’nies dijabetiċi. WindCRADLE – metodu ġdid ta’ tqegħid ta’ turbini tar-riħ li jżommu f’wiċċ l-ilma ’l barra mix-xtut bi strutturi ta’ appoġġ f’forma ta’ pjattaforma.
Ir-rebbieħa fil-kategorija Seed Fund kienu: Get Hitched – metodu fuq l-internet li jlaqqa’ koppji li jridu jiżżewġu ma’ bejjiegħa ta’ prodotti tat-tiġijiet; The Huskie Craft Beer Company – li qegħdin jippruvaw joffru l-birrerija tagħhom lil klijenti li jixtiequ jkollhom il-birra tagħhom stess unika u ta’ edizzjoni limitata; EarlyParrot – pjattaforma ta’ promozzjoni li tippermetti lil negozji online biex itejbu l-interessi tal-konsumaturi permezz ta’ kapaċitajiet ta’ riferiment; u LearnD – applikazzjoni li toffri forma differenti ta’ lezzjonijiet privati, fejn studenti jgħallmu studenti oħra.
It-timijiet ser ikunu qed jaħdmu mill-qrib mat-TAKEOFF Business Incubator u Knowledge Transfer Office tal-Università matul is-sena li ġejja fi sforz biex iressqu l-inizjattivi tagħhom eqreb lejn il-kummerċjalizzazzjoni.
It-TAKEOFF Seed Fund Award huwa inizjattiva konġunta bejn Centre for Entrepreneurship and Business Incubation (CEBI) fl-Università ta’ Malta u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB), bl-għajnuna ta’ TAKEOFF, il-Business Incubator fl-Università ta’ Malta.