[EN]
Il-Fondazzjoni Vodafone Malta u l-Università ta’ Malta ħa jiżviluppaw teknoloġija avvanzata li tinvolvi r-realtà virtwali biex jitnaqqas l-uġigħ mingħajr l-użu ta’ mediċini fi tfal li jkunu qegħdin jieħdu trattament li jikkawżalhom ħafna uġigħ u stress.
Il-Fondazzjoni Vodafone Malta u l-Università ta’ Malta ħa jiżviluppaw teknoloġija avvanzata li tinvolvi r-realtà virtwali biex jitnaqqas l-uġigħ mingħajr l-użu ta’ mediċini fi tfal li jkunu qegħdin jieħdu trattament li jikkawżalhom ħafna uġigħ u stress.
Dan il-proġett, b’investiment ta’ €113,000, se jkun ta’ innovazzjoni għas-settur mediku. Dan għaliex se jgħaqqad ir-realtà virtwali ma’ affective gaming, fejn il-logħba se tkun intelliġenti biżżejjed biex tiddetermina l-istat fiżiku u emozzjonali tat-tifel biex b’hekk taġġusta lilha nnifisha f’ħin reali biex taljena lit-tifel mill-uġigħ li jkun qed iħoss. Dan ser isir permezz ta’ data bijometrika, bħar-rata tat-taħbit tal-qalb, li tista’ tinġabar minn smartwatches, per eżempju.
Il-fondi ser jingħataw permezz tar-Research Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta, filwaqt lir-riċerka sejra tiġi mmexxija mill-Profs Alexiei Dingli, Kap tad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali ġewwa l-Fakultà tal-ICT, u t-tim tiegħu t’akkademiċi. Huwa mistenni li din it-teknoloġija ferm speċjalizzata ħa tieħu mat-tliet snin biex tiġi żviluppata.
Il-Fondazzjoni Vodafone Malta qiegħda timmira li l-ewwel tintroduċi din it-teknoloġija ma’ tfal li qegħdin jirċievu trattament għall-kanċer fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u, wara, lit-tfal kollha li jkunu qed jirċievu kwalukwe trattament ġewwa l-isptar.
Iċ-chairman tal-Fondazzjoni Vodafone Malta Michel Macelli qal li l-Fondazzjoni kienet kburija li kienet għal darb’oħra qed tikkollabora mal-Università ta’ Malta fuq proġett li kien ħa jiftaħ orizzonti ġodda permezz tal-użu inovattiv tat-teknoloġija.
'Dan il-proġett, li jidher li ser ittejjeb sostanzjalment il-kwalità ta’ kura li tingħata lil pazjenti żgħar billi jnaqqas l-uġigħ mingħajr l-użu ta’ mediċina, huwa konformi mal-missjoni tal-Fondazzjoni Vodafone Malta. L-għan ewlieni tagħna huwa li ninvestu f’setturi strateġiċi biex isir l-ikbar impatt possibbli. Naħdmu primarjament fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni permezz tal-programm tagħna bl-isem ta’ Connecting for Good, li jiffoka fuq l-amalgamazzjoni ta’ l-għoti għall-karità flimkien mat-teknoloġija ta’ Vodafone biex nagħmlu differenza.'
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred Vella, innota li, 'għal darb’oħra, l-Università ta’ Malta, din id-darba permezz tax-xogħol tad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, qed tiftaħ orizzonti ġodda ta’ għerf biex niskopru soluzzjonijiet innovattivi sabiex ngħinu lil dawk li qed isofru minn xi forma ta’ uġigħ, speċjalment tfal li qed jirċievu trattament għall-kanċer. L-implikazzjonijiet ta’ dan il-proġett ta’ riċerka huma bla limitu, għax hemm il-potenzjal li dan it-trattatament mhux biss isir iżjed sigur u jkompli jnaqqas it-tbatija għall-pazjenti, iżda wkoll li jsir irħas. Dan il-proġett ser ipoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali, flimkien ma’ universitajiet oħra li qed imexxu dan il-qasam ta’ riċerka.'
L-RIDT twaqqaf fl-2011 bħala kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Università ta’ Malta, bl-għan li tissaħħaħ l-attività ta’ riċerka fl-Università, permezz tal-impenn tas-setturi varji tal-komunità Maltija.