EN
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Malta Marittima u l-Università ta’ Malta nedew il-Maritime Seed Award (MarSA) bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Università għat-Trasferiment tal-Għerf (Knowledge Transfer Office –KTO), l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju (Centre for Entrepreneurship and Business Incubation – CEBI). Ser jiġu allokati fondi li jlaħħqu l-EUR 140,000 permezz ta’ sejħa kompetittiva miftuħa għal riċerkaturi u intraprendituri li jaħdmu fil-qasam Marittimu.

Qed jiġu offruti żewġ tipi ta’ fondi, speċifikament fondi għal Proof of Concept biex jgħinu lir-riċerkaturi tal-Università ta’ Malta biex iqarrbu r-riċerka tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni, u Seed Funds li jagħmluha possibbli sabiex intraprendituri jkunu jistgħu jsibu l-ewwel klijent jew investiment tagħhom. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal finanzjament sa €20,000 hija miftuħa u tagħlaq it-Tnejn 17 ta’ Ġunju 2019.
Dr Daniel Aquilina, iċ-Chairman ta’ Malta Marittima, sostna li 'l-introduzzjoni tal-fondi MarSA pprovdiet opportunità addizzjonali lir-riċerkaturi u intraprendituri biex jiżviluppaw ir-riċerka u l-ideat tagħhom, u hekk jersqu pass eqreb lejn il-kummerċjalizzazzjoni. Din hija għajnuna essenzjali biex tittejjeb l-ekonomija marittima li għandha tiġi appoġġjata minħabba l-insularità arketipika ta’ pajjiżna.'
Il-Prof. Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, qal li 'l-Università għandha l-pjaċir tappoġġja l-Maritime Seed Award, billi dan jagħti lok għal diversi temi ta’ proġetti f’diversi oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-innovazzjoni u l-intraprenditorija fil-qasam marittimu. Ir-riċerkaturi u intraprendituri kollha interessati f’dan il-qasam huma mħeġġa jagħmlu użu minn dan il-fond biex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw l-idea tagħhom għall-ġid tan-nazzjon.'
Qed jiġu organizzati żewġ workshops biex jagħtu aktar informazzjoni lil applikanti prospettivi dwar il-MarSA u joffru pariri kif titħejja u tiġi miktuba l-applikazzjoni. Riċerkaturi tal-Università huma mistiedna li jattendu l-workshop Proof of Concept nhar it-Tlieta 4 ta’ Ġunju filwaqt li l-workshop għall-intraprendituri (Seed Funds) ser isir nhar l-Erbgħa 29 ta’ Mejju. Il-workshops għaċ-ċiklu ta’ din is-sena huma obbligatorji, u l-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss jekk l-applikanti jew membri ewlenin tat-tim jirreġistraw u jattendu l-workshop rispettiv tal-MarSA.