4Teenth Productions, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ u l-Kunsill Lokali Ħal Qormi ser tkun qed twassal adattament tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu f’xelter tat-tieni Gwerra Dinjija li jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-Knisja ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi.
Yeshua Minaż’rat, li bil-Malti tfisser Ġesù ta’ Nażaret, hija walkthrough tal-passjoni fejn dawk kollha li ħa jkunu qed jinżlu fix-xelter, taħt l-art ser ikunu jistgħu jesperjenzaw l- passjoni ta’ Kristu mill-qrib. Dan minħabba l-ambjent intimu li jaf joffri dan il-post storiku, fejn l-udjenza ser tkun fl-eqqel ta’ l-istorja, ftit passi ‘l bogħod mix-xeni li jkunu qed isiru quddiemha. L-udjenza ser tkun imħeġġa sabiex tipparteċipa, tati s-sehem tagħha u tkun parti integrali ma’ dak li ser ikun qed jiġri. B’hekk l-istorja mhux biss ser tkun qed taraha u tismagħha, imma tkun parti minnha, involut b’mod sħiħ ma’ dak li jkun qed iseħħ. Komplott minsuġ tajjeb bejn il-Qassisin il-Kbar li wasal s’għand Pilatu, bil-kundanna ta’ Kristu għall-mewt tas-salib. Dan kollu ser ikun qiegħed isir fi 30 minuta b’xeni mexxejja li jkomplu jiżvillupaw l-istorja iżjed mal-udjenza tidħol ‘il ġewwa tax-xelter.
L-udjenza tilgħab parti importanti f’dan il-qafas u għalhekk waqt l-iskedi ta’ provi dwar l-iscript u l-istorja, l-atturi jiġu preparati għal kull sitwazzjoni li jistgħu jinqalgħu. Fost l-atturi insibu lil Mario Aquilina, Charlie Sammut, Ruben Rapa, Lydia Portelli, Sandro Attard, Alan Attard u Franky Borg flimkien m’atturi oħra t’esperjenza.
Barra r-rapreżentazzjoni Yeshua Minaż’rat, ser ikun hemm diversi wirjiet u esebizzjonijiet fil-madwar fosthom il-wirja li ġġib l-isem ‘Hakeldama’, bi statwi xogħol minn Lecce u esebizzjoni ta’ statwi u pitturi sagri ta’ diversi artisti rinomati. F’dawn il-ġranet ukoll ser ikun hemm l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira armati ġewwa l-Knisja ta’ San Ġorġ.
Yeshua Minaż’rat , kitba ta’ David George Camilleri, b’direzzjoni ta’ Gianluca Spiteri u Josue Formosa, ir-rappreżentazzjonijiet jibdew mill-Erbgħa 17 t’April mit-20:00 ‘il quddiem., il-Ħamis 18 t’April (Ħamis ix-Xirka) mit-20:00 ‘il quddiem u l-Ġimgħa 19 t’April (nhar il-Ġimgħa l-Kbira) mid-9:00 sa 12:00. Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ iċempel fuq 79096060 jew iżur il-paġna tagħna 4Teenth Productions.