Dr Kurt Borg, Riċerkatur fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.
Tema li fil-Fakulta’ għat-Tisħiħ tas-Soċjeta’ nikkontendu ħafna magħha hija li ‘Kulħadd stressjat’.
L-istress jiżdied meta bniedem iħossu li ma jistax ilaħħaq mal-isfidi li qed jaffaċċja f’ħajtu. Dawn l-isfidi jistgħu jkunu varji. Xi ħadd jista’ jħossu stressjat jekk għandu inkwiet fuq ix-xogħol; xi ħadd ieħor jista’ jkun stressjat għax ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż.
Oħrajn jħossuhom stressjati għax qed jippruvaw jixtru jew jikru post fejn jgħixu; u oħrajn jistressjaw ruħhom minħabba problemi fir-relazzjonijiet tagħhom. L-istress jinħoloq meta individwu jħossu li, jistinka kemm jistinka, jibqa’ ma jlaħħaqx ma’ dak kollu li hu mistenni minnu. Stress fuq medda ta’ żmien joħloq ħsara lill-individwu, fuq livell fiżiku kif ukoll mentali. Effetti fiżiċi tal-istress jinkludu problemi tal-qalb, pressjoni, problemi t’irqad, u uġiegħ. Effetti emozzjonali jinkludu rabja, ansjetà, dipressjoni, għejja profonda, u nuqqas ta’ serħan.
L-istress huwa reazzjoni tal-individwu, u lkoll nesperjenzaw l-istress fuq livell personali. Però, jeħtieġ li naħsbu u nitkelmu dwar l-istress bħala kwisjoni soċjali u politika. Mhuwiex biżżejjed li sempliċiment ngħidu li bniedem iħossu stressjat għax mhuwiex kapaċi jlaħħaq u jkampa mal-isfidi tal-ħajja, bħallikieku huwa t-tort tiegħu li jħossu stressjat. Irridu nirikonoxxu li ħafna mill-kwistjonijiet li jqanqlu l-istress – bħall-kwalità tax-xogħol, problemi finanzjarji, ir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja moderna – huma soċjali, u għaldaqstant il-kawżi tal-istress huma soċjo-politiċi.
Il-kittieb Ingliż Mark Fisher jgħid li f’dawn l-aħħar snin, kien hemm tendenza li l-istress jiġi ppreżentat bħallikieku huwa kwistjoni privata u li l-individwu huwa responsabbli għall-istress tiegħu. Għalih, il-privatizazzjoni tal-istress taħbi il-kawżi veri tal-istress, u għaldaqstant tiddepolitiċizza l-istress billi titfa’ l-ħtija kollha fuq l-individwu. Diskors psikoloġiku li jiffoka fuq il-kimika fil-moħħ biex jispjega kundizzjonijiet bħall-istress jew id-dipressjoni ma jistax jispjega l-għeruq soċjali tal-problemi li jtaqqlu n-nies.
Il-mod li bih nitkellmu dwar l-istress jirrifletti attitudnijiet differenti. Diskors li jitkellem dwar l-istress bħallikieku huwa problema biss tal-individwu jirreaġixxi lejn l-istress billi jipprova ‘jsewwi’ l-individwu b’tali mod li jgħallmu jaddatta aħjar għaċ-cirkostanzi li jsib ruħu fihom. B’dan il-mod, l-individwu hu dejjem mistenni li jkun iktar u iktar reżiljenti sabiex jitgħallem ikampa maċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu. Dan id-diskors ikompli jitfa’ l-pressjoni fuq l-individwu, jiżolah, u jġiegħlu jħossu inkapaċi jew li mhuwiex jagħmel biżżejjed sforz.
Minn naħa l-oħra, jekk inbiddlu l-perspettiva tagħna lejn l-istress u narawh bħala kwistjoni soċjali, l-emfasi jinbidel u minflok naraw l-istress bħala problema privata tal-individwu, nidentifikaw strutturi soċjali li qegħdin jikkawżaw l-istress. Minflok biss terapija personali, din l-attitudni tippreżenta kritika soċjali tal-kurrenti ta’ żmienna. Minflok ngħidu li bniedem mhuwiex kapaċi jkampa mal-istress tax-xogħol, jeħtieġ li ngħidu li kundizzjonijiet ta’ xi mpjiegi sempliċiment mhumiex aċċettabli. Minflok ngħidu li xi ħadd mhuwiex kapaċi jġemma’ flus biex jixtri post, jeħtieġ li nikkunsidraw il-kurrenti soċjali li qed jiddeterminaw il-prezzijiet ta’ djar u l-ispejjeż involuti.
U allura mhux ta’ b’xejn li ċertu nies iħossuhom stressjati. Mhuwiex korrett li nitfgħu l-ħtija fuq l-individwu għal kundizzjonijiet soċjo-politiċi, bħallikieku l-individwu għandu problema li ma jafx jaddatta. Il-problema qegħda ximkien ieħor. Jeħtieġ li nippolitiċizzaw l-istress billi naraw kif kwistjonijiet u strutturi soċjali qed jimpattaw l-emozzjonijiet tan-nies. Inkunu qed niżbaljaw jekk nibqgħu naraw l-istress bħala problema individwali. Ċertu ċirkostanzi huma impossibli li xi ħadd jadatta għalihom. Għaldaqstant, minflok nitfgħu iktar pressjoni fuq in-nies biex jidraw l-affarijiet kif inhuma, forsi wasal iż-żmien li naffaċċjaw ir-realtajiet li qed jikkawżaw l-istress.
Per eżempju, ejja nikkunsidraw il-każ ta’ dawk il-familji li waqqgħulhom id-djar tagħhom fi Gwardamanġa u l-Pietà. Wieħed jista’ jgħid li l-istress ta’ dawn il-familji beda qabel it-traġedja tat-twaqqiegħ tad-djar. Bir-rata li biha l-bini qed isir bħalissa, ħafna nies qed jesperjenzaw xi blokk t’appartamenti tiela’ maġembhom. It-trabijiet, il-ħsejjes, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni lejn il-ġirien, it-tħaffir, il-ħsara li tista’ ssir fil-proċess. Dawn huma kollha affarijiet li jisstressjaw lil dak li jkunu issues li l-Fakulta’ ghat-Tishih tas-Socjeta’ ilu jitkellmu u jirricerkaw fuqhom ghal diversi snin. Dawn il-familji tkellmu dwar kemm kienu nkwetati waqt li qed isir dan il-bini, u wħud anke ppruvaw jiġbdu l-attenzjoni li qed issir il-ħsara. Iżda kien għal xejn. Dawn in-nies ma ġewx stmati, u ħadd ma semgħahom. Sakemm l-inevitabbli ġara, u bdew jaqgħu d-djar tan-nies. Ta’ min hu t-tort li dawn in-nies ħassewhom stressjati? Tagħhom, talli mhux qed jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom jew talli mhux qed jaġġustaw għal dan il-‘progress inevitabbli’ li qed jiġri? Dażgur li le.
Imbagħad l-inkwiet li dawn il-familji kellhom jgħaddu minnu. L-ispejjeż, l-insigurtà, in-nuqqas tad-dar tagħhom, id-dipendenza fuq karità jew pjaċiri mingħand ħaddieħor, il-ġlied ma’ burokraziji u istituzzjonjiet li jħalluhom bla tweġibiet, ir-rabja lejn l-arroganza ta’ min ikkaġuna dan it-tkissir. Waħda mill-persuni li d-dar tagħhom ġiet imwaqqa’ qalet li, għalkemm daħlu liġijiet ġodda li jirrikjedu li l-uffiċjal tekniku li jispezzjona s-sit ta’ kostruzzjoni jeħtieġ li jkun kwalifikat bħala enġinier jew perit, dan mhux qed isir. Huma stess ħadu l-inizjattiva li jirrapurtaw dan il-każ minn jeddhom lill-awtoritajiet. Dan id-daħq fil-wiċċ m’għandux isir. L-istress kollu li dawn il-familji kellhom jaffaċjaw minħabba l-irresponsabbiltà ta’ xi wħud juri biċ-ċar li inutli nitkellmu dwar l-istress mingħajr ma nħarsu lejn il-kuntest soċjali li n-nies qed jgħixu fih. U inutli wkoll li nitkellmu dwar l-istress tal-ħajja moderna mingħajr ma nikkunsidraw il-politika neoliberali li qed tiddetermina ħajjitna: bħal, per eżempju, l-iżvilupp ekonomiku eċċessiv li mhux qed jagħti biżżejjed każ tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies, u l-pressjonijiet varji ta’ xogħol u finanzi li ħafna nies jaffaċċjaw.
Għalkemm huwa importanti li qed nitkellmu iktar dwar l-istress, huwa importanti wkoll li nikkunsidraw kif qed nitkellmu dwar l-istress. L-istress m’għandniex narawh bħala problema privata ta’ persuna. L-istress huwa reazzjoni ta’ bnedmin lejn realtajiet diffiċli li jsibu ruħhom fihom, fejn iħossuhom b’qalbhom maqtugħha li jlaħħqu ma’ dak kollu li hu mistenni minnhom. Ma nistgħux nippretendu li aħna sorpriżi li individwi jħossuhom stressjati. Li jeħtieġ li nagħmlu hu li nittrasformaw dan l-istress f’rieda li nibdlu realtajiet soċjali li qed joħonqu n-nies u l-kwalità t’għixien tagħhom.
Jekk tixtieq tistudja mal-Fakulta’ għat-Tisħiħ tas-Soċjeta’, ikkuntatjawna.
Dan l-artiklu deher l-ewwel fuq is-sit www.newsbook.com.mt, nhar it-Tlieta 18 ta' Frar 2020.