Din is-sena akkademika d-Dipartiment tal-Malti beda s-sensiela ta' seminars ta' riċerka regolari għall-istudenti tal-Masters u d-Dottorat bl-isem ta' Appuntamenti mar-Riċerka. Dawn is-seminars joffru spazju informali u addattat biex l-istudenti postgradwatorji jiddiskutu r-riċerka tagħhom.
Fl-ewwel konferenza annwali, sitt studenti ppreżentaw l-istudju li qed jagħmlu fuq il-lingwa u l-letteratura Maltija, u ddiskutewh ma' sħabhom u mal-letturi.
Il-Konferenza saret nhar is-Sibt 4 Ġunju 2022 fl-Aula Magna tal-Valletta Campus. Minbarra l-istudenti postgradwatorji u l-letturi tad-Dipartiment tal-Malti kienu preżenti wkoll letturi mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa.
Kirsty Azzopardi, waħda mid-dottorandi tad-Dipartiment, tkellmet dwar "Il-katina verbali tal-Malti: il-każ tal-verbi fażiċi," waqt li Yanika Schembri Fava għamlet preżentazzjoni mit-teżi tal-Masters tagħha fuq "L-Ironija fil-Versi Popolari Maltin: Memorja Friska ta’ Riċerka fit-Tul."
It-tielet kelliem kien Thomas Pace, li wasal fl-aħħar tax-xogħol tiegħu fuq it-teżi tal-Masters fil-lingwa, li ddiskuta "L-Immaniġġjar tal-Lingwa fl-Amministrazzjoni Pubblika," waqt li studenta oħra tal-Masters, Lara Stagno, tkellmet dwar "L-Illokuzzjoni u l-Perlokuzzjoni fil-Poeżija ta’ Nadia Mifsud."
L-aħħar żewġ kelliema kienu studenti tad-Dottorat: David Agius Muscat tkellem dwar "Id-definizzjoni tal-Malti standard fl-ewwel nofs tas-seklu 19" waqt li Justine Somerville ddiskutiet in-"Narrattiva letterarja u / bħala memorja."
Fl-aħħar parti tal-konferenza dawk li attendew iddiskutew modi kif is-seminars regolari ta' matul is-sena akkademika u l-konferenza annwali tal-Appuntamenti mar-Riċerka jistgħu jiżviluppaw biex ikomplu jgħinu lill-istudenti fil-vjaġġ tar-riċerka tagħhom u fl-istess ħin ikomplu jrawmu kultura u komunità ta' riċerka fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti.
Is-sessjonijiet tal-Appuntamenti mar-Riċerka jkomplu f'Settembru li ġej waqt li t-tieni konferenza għandha ssir f'Ġunju tal-2023.