B’investiment ta’ €200,000 f’fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST), l-Istitut tat-Teknoloġiji Aerospazjali tal-Università ta’ Malta u d-Divers Code, żviluppaw sistema multi drone sabiex titjieb is-sigurtà tal-għaddasa fil-baħar.
Il-proġett BEA, huwa maħsub biex itaffi r-riskju li wieħed jitlaqa’ miegħu fil-baħar, permezz ta’ sistema ta’ drones, wieħed li jopera taħt l-ilma, pjattaforma fuq wiċċ l-ilma, u ieħor fl-arja, biex ikunu ta’ għajnuna u monitoraġġ fis-sigurtà tal-għaddasa. B'mod aktar speċifiku, is-sistema hija magħmula minn vetturi operati mid-distanza, magħrufa aħjar bħala (ROV), pjattaforma li żżomm f’wiċċ l-ilma, u vettura tal-ajru li taħdem mingħajr ekwipaġġ, magħrufa bħala (UAV). Filwaqt li l-ROV issegwi lill-għaddas, il-pjattaforma f'wiċċ l-ilma taġixxi wkoll bħala sostenn fejn l- għaddas jista’ jserraħ fuqha u sservi wkoll bħala l-kaxxa tal-ewwel għajnuna. Din il-pjattaforma isservi wkoll bħala konnessjoni ta’ komunikazzjoni bejn l-ROV taħt l-ilma u d-drone li jkun qed idur. Mill-banda l-oħra, id-drone jista’ jinnota dgħajjes u jgħaddi l-messaġġ ta’ allarm billi jassigura li huwa sigur għall-għaddas biex jitla’ fil-wiċċ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż- Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal li “L-użu tat- teknoloġija u apparat teknoloġiku hija importanti ħafna sabiex nibqgħu nipprogressaw f’diversi setturi. Illum it-teknoloġija hija essenzjali sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proġetti innovattivi bħal dawn, grazzi għall-ħidma fir-riċerka u l-innovazzjoni lokali, ikomplu jkabbru mhux biss l-ekonomija fis-suq lokali u internazzjonali, iżda wkoll isem pajjiżna fost pajjiżi oħra fid-dinja.” Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Gvern qiegħed jagħti lis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jilħaq il-miri stabbiliti għall-istrateġija tal-iSmart Specialisation, fosthom is settur marittimu f’dan il-każ. “Jiena kburi bix-xogħol tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li qiegħed ikompli jagħti sapport u inċentivi sabiex jitwettqu aktar proġetti għall-ġid tas-soċjetà”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Tonio Portughese qal li “dawn il-proġetti jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fl-oqsma, tar-riċerka u l-innovazzjoni, iżda mhux biss. Bħal f’dan il-każ, dan il-proġett qiegħed iservi wkoll biex titjieb il-kwalità tal-prodott li joffru l-gżejjer tagħna f’ħafna oqsma oħra bħat-turiżmu.” Żied jgħid li s-settur tat-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tagħna, u jinkludi persentaġġ li dejjem qed jikber fin-niċċa turistika. Aktar minn 5%,li jżuru l-gżejjer tagħna jagħmlu dan biex igawdu l-ilmijiet ċari u biex jgħoddsu f’bosta siti uniċi, li ħafna minnhom għandhom valur storiku.
Il-koordinatur tal-proġett Dr Robert Camilleri qali li d-drones qed ikollhom rwol importanti f’ħafna oqsma fil-ħajja tagħna. Huwa sostna li “għalhekk, ir-riċerka fuq kollaborazzjoni bejn drones hija importanti.”
Il-Proġett BEA huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, f’isem il-Fondazzjoni għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz tal-FUSION: R&I Technology Development Programme.