Il-Professur André Xuereb, riċerkatur stabbilit fil-qasam tal-fiżika kwantistika, għadu kemm ħabbar it-tnedija tal-proġett PRISM - Physical Security for Public Infrastructure in Malta (Sigurtà Fiżika għall-Infrastruttura Pubblika f’Malta). Dan huwa proġett ambizzjuż bl-għan li jwaqqaf l-ewwel netwerk ta’ komunikazzjoni kwantistika f’Malta, b’firxa li tilħaq il-pajjiż kollu. Il-proġett hu wieħed minn grupp ta’ 26 intiżi biex joħolqu netwerk ta’ komunikazzjoni ultra-sigur madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Dan il-proġett qed jitwettaq minn konsorzju koordinat minn RSM Malta; u l-membri huma Merqury Cybersecurity Limited; Melita Limited; l-Università ta’ Malta; Umnai Limited; id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza; u l-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni ta’ Malta (MITA).
Il-finanzjament inizjali għall-proġett huwa ta’ €11.6-il miljun, li minnhom €5.8 miljuni ġew impenjati mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-programm Ewropa Diġitali 2021-2027, f’dak li hu disinn, żvilupp u implimentazzjoni tal-EUROQCI, li jikkonsisti f’segment terrestri li jiddependi fuq netwerks ta’ komunikazzjoni bil-fibra biex jikkollega siti strateġiċi fuq livell nazzjonali u transkonfinali u segment fl-ispazju bbażat fuq is-satelliti. Dan il-proġett se jkun parti integrali mill-Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonnettività u s-Sigurtà bis-Satellita (IRIS2), u għaldaqstant huwa proġett ambizzjuż ferm li se jpoġġi lil Malta fuq il-mappa tat-teknoloġiji kwantistiċi. Il-programm Ewropa Diġitali huwa programm ta’ finanzjament tal-UE iffukat biex l-Ewropa ssir aktar diġitali u biex iwassal it-teknoloġija diġitali għand in-negozji, iċ-ċittadini, u l-amministrazzjoni pubblika.
Permezz tal-proġett, teknoloġija tal-kriptografija kwantistika li qatt ma kien hawn bħalha, u l-hardware assoċjat magħha, se jiġu żviluppati sabiex jiżguraw li l-informazzjoni diġitali tkun sigura u mħarsa minn kwalunkwe attakk potenzjali, magħruf jew mhux, issa u fil-futur.
Kif spjega l-Prof. Xuereb, iċ-ċibersigurtà problematika hija theddida għall-UE, il-valuri tagħha, u l-eżistenza tagħha. Matul dawn l-aħħar snin, l-Ewropa kienet fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ ċibersigurtà kwantistika. Bil-ħolqien ta’ Merqury Cybersecurity Limited, Malta se tkun stabbilita bħala mexxejja globali fil-qasam tal-kriptografija kwantistika.Illum il-ġurnata, il-mudell ta’ eċċellenza fil-kriptaġġ tad-dejta jinkiseb bl-użu ta’ algoritmi matematiċi li, jekk ikun hemm biżżejjed żmien u qawwa komputazzjonali, ikunu jistgħu jingħelbu. L-użu tal-mekkanika kwantistika biex tiġi protetta d-dejta qabel tintbagħat tramite l-internet jiggarantixxi li d- dejta ma tkunx tista’ tiġi aċċessata jew saħansitra interċettata u maħżuna biex eventwalment tiġi dekriptata – irrispettivament mill-iżviluppi teknoloġiċi tal-futur.
PRISM se jinvolvi l-bini ta’ netwerk ta’ madwar 20 konnessjoni sigura fuq in-netwerk tal-fibra tal-Melita madwar Malta, u lil hinn lejn Sqallija tramite l-kejbil fibrottiku ta’ taħt il-baħar tal-Melita. Fit-tieni fażi ta’ din l-inizjattiva mifruxa mal-UE kollha, li hi skedata li tibda fl-2025, in-netwerk ta’ Malta se jkun konness ma’ netwerks kwantistiċi simili fi stati ġirien tal-UE. It-tielet fażi se tkun tinvolvi satelliti kwantistiċi biex jiġu koperti distanzi madwar l-istati kollha tal-UE.
Għal aktar informazzjoni, wiehed jista jsegwi l-websajt.
L-intervista ma’ André Xuereb fejn jintroduċi l-proġett, tista' tigi esegwita onlajn.
Dan il-proġett huwa kkofinanzjat mill-programm Ewropa Diġitali tal-Unjoni Ewropea, proġett PRISM (Ftehim ta’ Għotja nru. 101111875). Il-fehmiet u l-opinjonijiet espressi huma madankollu dawk tal-awtur(i) biss, u mhux bilfors jirriflettu dawk tal-Unjoni Ewropea. La l-Unjoni Ewropea u lanqas l-awtorità li tagħti l-għotja ma jistgħu jinżammu responsabbli għalihom.