Id-Dipartiment għall-Istudji dwar id-Diżabilità, l-Fakultà tat-Teoloġija u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà jikkundannaw bis-sħiħ ir-rabta u t-tqabbil magħmulin mis-Sa Brincat fuq TVM f’dak li għandu x’jaqsam mad-diżabilità u d-dnub. Id-diżabilità hija parti min-natura umana u għandha tkun trattata ta’ li hi. It-twaħħid tal-mard u diżabilità flimkien mad-dnub tagħmel ħafna ħsara lil persuni li jgħixu b’xi diżabilità jew mard kroniku, u mhux inqas ukoll lill-familji tagħhom. Il-ġlieda tagħna għandha tkun kontra l-ħafna ostakli li jiltaqgħu magħhom persuni b’diżabilità fil-ħajja ta’ kuljum. Ta’ min wieħed jaqra sew il-linji gwida provduti mil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.17 tal-2007 (Ħtiġijiet dwar standards u prattika dwar id-diżabilità u l-preżentazzjoni tagħħa fix-xandir).
Fuq livell teoloġiku, hu biżżejjed li wieħed jiftakar l-eżempju ta’ Ġesù nnifsu fl-imġieba tiegħu u f’dak li għallem dwar min hu vulnerabbli, u dwar persuni b’diżabilità. Fil-każ tar-raġel li twieled għama, Ġesù b’mod kategoriku jiċħad li l-kundizzjoni tiegħu kienet konsegwenza tad-dnub tiegħu jew tal-ġenituri tiegħu (Ġw 9:3). F’dak li għandu x’jaqsam mad-diżabilità, il-Papa Franġisku jtkellem minn ‘maġisteru ta’ fraġilità’ li hu mifhum bħala ‘kariżma’ li permezz tagħha ‘l-għeżież ħutna b’diżabilità jistgħu jagħnu lill-Knisja’ u lis-soċjetà, bħal u daqs ħaddieħor.