Erba’ studenti postgradwatorji mid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa ppreżentaw xogħolhom fuq suġġetti marbutin mar-riċerka lingwistika Maltija f’workshop bl-isem Triangulation II - A plethora of ideas about language (Wales, Malta, Northwest Germany) f’Delmenhorst, il-Ġermanja. Il-workshop, li kien organizzat mill-Università ta’ Bremen, sar fl-Istitut tal-Istudju Avvanzat Hanse-Wissenschaftskolleg, bejn il-5 u s-6 ta’ Ġunju 2023. Dan il-forum akkademiku ttella’ għat-tieni sena konsekuttiva.
Kirsty Azzopardi, studenta tad-dottorat mad-Dipartiment tal-Malti, tat-taħdita dwar “The argument structure of motion verbs in Maltese”. Raffaello Bezzina, li għadu kif temm il-Masters tiegħu fil-Malti, tkellem dwar “Word formation in Maltese”. Michela Vella, studenta tad-dottorat mal-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, tat taħdita bit-titlu “In the (playing) field: Maltese child language data collection”. Thomas Pace, li dan l-aħħar temm ukoll il-Masters tiegħu mad-Dipartiment tal-Malti, ippreżenta x-xogħol tiegħu bit-titlu “Language use in Malta’s public administration”.
L-organizzaturi tal-workshop kienu Julia Nintemann, Maike Vorholt, Deborah Arbes u Kevin Behrens mill-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja. Taw sehemhom ukoll il-Prof. Thomas Stolz mill-istess università, li kien il-moħħ wara din l-inizjattiva, il-Prof. Ray Fabri, il-kap tad-delegazzjoni Maltija, u Dr Iwan Wyn Rees, il-kap tad-delegazzjoni mill-Università ta’ Cardiff f’Wales.
Din l-opportunità għar-riċerkaturi tal-lingwa u l-lingwistika Maltija li jibnu l-kuntatti ma’ lingwisti u riċerkaturi oħra hija frott il-koperazzjoni li hemm bejn id-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta u l-fergħat taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti f’Malta u Bremen.
Dan l-artiklu huwa disponibbli bl-Ingliż