Flimkien mal-qraba tal-poeta Rużar Briffa, il-kittieb Paul P. Borg ippreżenta Ghotja ta’ dokumenti tal-poeta Rużar Briffa lir-Rettur tal-Università Prof. Alfred Vella.
Paul P. Borg irringrazzja lir-Rettur talli laqa’ dawn id-dokumenti f’isem l-Università ta’ Malta kif ukoll lis-Sur Kevin Ellul bħala Direttur tal-Librerija tal-Università. B’hekk dawn id-dokumenti importanti sa jkunu merfugħin b’għożża bħala patrimonju kulturali Malti li jsebbaħ il-Letteratura Maltija, u jkunu disponibbli għal aktar riċerka ’l quddiem.
Preżenti kien hemm Dr Dino Vella Briffa, is-Sur Alfred Vella u s-Sur Frankie Vella Briffa neputijiet tal-poeta – kif ukoll is-Sa.Tanya Mizzi neputija ta’ Louisette, it-tieni mara tal-Poeta. Kien hemm ukoll il-Prof. Adrian Grima Kap tad-Dipartiment tal-Malti.
Borg iżża ħajr lill-qraba tal-ġenerożità kbira tagħhom meta offrewlu dawn id-dokumenti li kienu fost id-dokumenti fir-riċerka tiegħu għall-bijografija ġdida tal-poeta li hu ppubblika fil-ktieb 'Fejjaqtni int - Rużar Briffa u Jien'. Il-ktieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ġie ppubblikat permezz ta’ għotja mill-Fond Malti tal-Ktieb maħruġa mill-KNK.
Borg ippreżenta wkoll kopja tal-bijografija 'Fejjaqtni int - Rużar Briffa u Jien' lir-Rettur Prof. Alfred Vella.
Dawn id-dokumenti qegħdin jidhru għall-ewwel darba u jixħtu dawl ġdid fuq il-poeżija ta' Briffa.
Fost id-dokumenti li ppreżenta Borg hemm:
- Skeda Storika dettaljata tal-istudji professjonali tal-poeta, kemm fl-Ingilterra kif ukoll fl-Indja.
- Testment tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm miktub minn Rużar Briffa: il-poeta jistqarr li l-aħħar vrus tal-poeżija Non Omnis Moriar kitbuhom huma t-tnejn flimkien. Dan hu dokument li jixħet dawl ġdid fuq min kien tassew Dun Karm.
- Poeżiji miktubin bil-kaligrafija tal-poeta nnifsu.
- Kitbiet tal-poeta bħala riċerkatur tal-ġrajja medika ta’ Malta.