Is-Sibt 16 ta’ Marzu wħud mill-istudenti li qed jagħmlu Masters jew Dottorat iltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin għal irtir ta’ kitba ta’ ġurnata organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti. L-ewwel sessjoni mexxieha l-Prof. Michael Spagnol u fiha ġew diskussi modi differenti ta’ kif issir il-parafrażi f’kitba akkademika. Is-sessjoni ffukat fuq tliet strateġiji: is-sinonimi, il-bidla fil-parti tad-diskors, u l-istruttura tas-sentenza; u fuq kwistjonijiet bħall-użu tal-jien, l-attiv u l-passiv, u l-vuċi stilistika tar-riċerkaturi. Imbagħad l-istudenti ħadu sehem f’sessjonijiet prattiċi ta’ kitba u reviżjoni, fejn kitbu mill-ġdid u ddiskutew xi paragrafi f’xogħlijiet ippubblikati u oħrajn li ħejjew huma stess għal dan l-eżerċizzju.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-parteċipanti huma riċerkaturi li qed jistudjaw mad-Dipartiment tal-Malti, mal-grupp ingħaqdu dottoranda mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa u dottoranda oħra mid-Dipartiment tal-Lingwi u l-Kulturi tal-Lvant Nofsani u l-Asja. Matul il-ġurnata l-parteċipanti mhux biss ħadmu individwalment u qasmu l-ħsibijiet u l-prattiċi tagħhom ma’ xulxin, iżda kellhom l-opportunità jsiru jafu iżjed lil xulxin, jieklu flimkien, u jgawdu mixja qasira fil-park.
Dan l-irtir huwa parti minn sensiela ta’ seminars imsejħa ‘Appuntamenti mar-Riċerka’ li d-Dipartiment tal-Malti jorganizza għall-istudenti tal-Masters u d-Dottorat. Dawn is-seminars joffru spazju informali u addattat biex l-istudenti postgradwatorji jiddiskutu r-riċerka tagħhom.