L-Università ta' Malta u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) iffirmaw ftehim li permezz tiegħu ser jitnieda għall-ewwel darba, kors ġdid “Undergraduate Certificate Course in Volunteering Studies".
It-tnedija ta' dan il-kors edukattiv saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MCVS Gertrude Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo u r-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred J. Vella.
Dan il-kors, li se jkun qiegħed isir b'investiment ta' €12,000 mill-MCVS, huwa fil-livell 5 tal-MQF u ser ikun parti mill-korsijiet offruti mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. It-tul tal-kors ser ikun ta' sena part-time bħala studju ta' filgħaxija (evening studies), bl-ewwel sessjonijiet ta' dan il-kors se jibdew f'Ottubru ta' din is-sena.
Dan il-kors huwa ideali għal min jamministra għaqda volontarja jew huwa impjegat f'għaqda volontarja, speċjalment jekk imexxi persuni li jagħmlu xogħol volontarju. Huwa wkoll immirat għal kull min jagħmel xogħol volontarju jew jixtieq jidħol aktar fix-xogħol tas-settur. Dan il-kors ser jagħti ħarsa ġenerali lejn il-prattika tal-volontarjat, billi jagħti l-għarfien, il-ħiliet u l-valuri meħtieġa għal impatt aktar effettiv fil-qasam. Se jiġu esplorati wkoll suġġetti bħar-rekwiżiti tal-organizzazzjonijiet volontarji, l-aħjar prattiċi ta' tmexxija, fost temi oħra.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet, “Il-ħolqien ta' dan il-kors edukattiv jsaħħaħ l-impenn tagħna favur soċjetà li għandha r-responsabbiltà soċjali fil-qalba tagħha, filwaqt li se jgħin irawwem kultura ta' inklużjoni u servizz għall-komunità. Dan il-kors, flimkien ma' numru ta' skemi u servizzi oħra li l-MCVS qed toffri, se jpoġġi lill-voluntiera tagħna, u lil dawk interessati jibdew il-mixja f'dan is-settur, fl-aħjar pożizzjoni biex jwettqu xogħolhom."
Il-Ministru Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva. “Dan huwa impenn ieħor minn sensiela biex nagħtu l-opportunitajiet kollha mhux biss lill-istudenti tagħna, imma wkoll lil dawk kollha li jfittxu suġġetti li huma jaspiraw li jkattru l-għarfien tagħhom fihom. Il-volontarjat huwa bażi importanti għall-komunità tagħna u għalhekk dan is-suġġett se jolqot niċċa oħra ta' studju li permezz tagħha se jibbenefika kemm l-individwu, imma wkoll is-soċjetà kollha kemm hi", qal il-Ministru Grima.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, stqarret, “Kors bħal dan għandu mhux biss isaħħaħ l-amministrazzjoni tal-għaqdiet b'mod tanġibbli, imma għandu wkoll jgħin biex inkomplu nkattru l-idea li s-settur volontarju huwa magħmul minn persuni professjonali li l-għaqdiet imexxuhom b'ħeġġa imma wkoll b'għarfien u ħila."
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, stqarr li permezz ta' dan il-ftehim u l-kollaborazzjoni bejn l-MCVS u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, għall-ewwel darba se jkun hemm taħriġ akademiku dwar is-settur volontarju li jwassal li jkun hemm persuni fl-għaqdiet volontarji li jkunu kwalifikati u mħarrġa b'mod aktar speċifiku dwar is-settur inniffsu. “Inħeġġeġ lil kull min huwa interessat sabiex jikkunsidra jieħu din l-opportunità." temm jgħid is-Sur Pace Parascandalo.
Il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta' Malta, qal li din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-Università biex tħeġġeġ spirtu ta' servizz komunitarju u impenn ċiviku fost l-istudenti tagħha. “Aħna ma nħarsux biss lejn il-volontarjat bħala mezz nobbli biex nagħtu lura lis-soċjetà, iżda wkoll bħala mezz biex niżviluppaw ħiliet imprezzabbli, niksbu perspettiva aktar diversa fuq ħafna kwistjonijiet u nibnu relazzjonijiet dejjiema ma' oħrajn. Dan il-kors ser jgħin lill-istudenti tagħna jsiru mexxejja li jikkontribwixxu b'mod pożittiv lejn il-komunitajiet tagħhom u lil hinn."