Hekk kif id-dinja qed tħabbat wiċċha ma' problemi globali dejjem iktar kumplessi bħat-tibdil fil-klima, il-qerda ta’ bijodiversita’ u żieda fl-inugwaljanza, il-bżonn li nbiddlu l-istituzzjonijiet biex ikunu iktar sostennibili huwa iktar urġenti minn qatt qabel. Il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda (Sustainable Development Goals) u l-Patt Ekoloġiku Ewropej (European Green Deal) twaqqfu biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet, iżda għad fadal ħafna xi jsir biex dawn jitlaħqu.
B’dan l-għan, ir-riċerkaturi Maltin Prof. Pawlu Pace u Dr Jane Spiteri qegħdin jipparteċipaw fi proġett ta’ riċerka Ewropew biex jintegraw il-prinċipji tas-sostenibbiltà fl-istituzzjonijiet edukattivi.
Il-proġett, magħruf bħala Sostenibbiltà f’Istituzzjonjiet Edukattivi jew ‘SUSEDI’, juża dak li jissejjaħ ‘Whole Institution Approach (WIA)’ għas-sostenibbiltà. Dan il-proġett iħares lejn kull aspett tal-istituzzjonijiet edukattivi inkluż il-kurrikulu, il-mod kif l-istituzjoni hija mmaniġġjata, u anke il-mod kif l-istutizzjoni hija integrata fil-komunità. Hija perspettiva olistika li tenfassiża l-involviment tal-komunità u t-tagħlim kontinwu. Għandu l-għan li wkoll tagħti is-setgħa lill-istudenti, edukaturi u ħaddiema biex jieħdu r-responsabbiltà u jikkomettu ruħhom għal futur sostenibbli.
Bħala parti minn dal-proġett, inħolqot pjattaforma ta’ e-learning għall-edukaturi. Il-pjattaforma tinkludi lezzjonijiet, quizzes u eżerċizzji, Moodle b’riżorsi online, l-għanijiet tat-tagħlim, u spazju fejn edukaturi jkunu jistgħu jikkolaboraw ma’ xulxin dwar kif jistgħu jintegraw is-sostenibbiltà fl-istituzzjonijiet tagħhom. Il-pjattaforma nħolqot bil-ħsieb li tipprovdi l-appoġġ u riżorsi għal edukaturi u istituzzjonijiet li jixtiequ isiru sostenibbli.
Il-pjattaforma toffri sistema organizzata u faċli għall-immaniġġjar ta’ attivitajiet edukattivi. Tista’ żżur din il-pjattaforma billi iżżur is-sit.
Il-proġett jinvolvi wkoll il-ħolqien ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni ISO. Din l-iskema se tkun bbażata fuq lista ta’ attivitajiet li jaqblu mal-framework tas-sostenibbiltà. Skont il-WIA għas- sostenibbiltà, l-attivitajiet għandhom ikopru aspetti organizzativi, soċjali u pedagoġiċi, u jrid jkollhom rabta mal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda. Xi eżempji ta’ dawn l-attivitajiet jinkludu: it-tfassil ta’ policies rigward is- sostenibbiltà, l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fis-suġġetti kollha tal-kurrikulu, u l-integrazzjoni tal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda b’mod sistematiku.
Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar dan il-proġett ta’ riċerka billi żżur is-sit.
Dan l-artiklu huwa disponibbli ukoll bl-Ingliż
Dan l-artiklu huwa disponibbli ukoll bl-Ingliż