Il-Programmi Akkademiċi ġodda għas-sena 2018/2019 ġew imnedija fil-Ġ.F. Abela Junior College tal-Università ta’ Malta mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onorevoli Evarist Bartolo u mill-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Paul Xuereb.
Il-Junior College jifforma parti integrali mill-Università ta’ Malta. Il-Kulleġġ joffri esperjenza edukattiva unika lil kull student fi ħdanu, filwaqt li jgħaqqad il-formazzjoni sekondarja ma’ dik aktar għolja.
Tul it-tnehdija, membri tal-medja ingħataw preżentazzjoni dwar il-Junior College, is-servizzi u l-faċilitajiet offruti fi ħdanu, l-Open Day, u dwar il-programmi akkademiċi għas-sena 2018/19.
Il-programmi ta’ studju offruti għas-sena akkademika li jmiss, huma:
Il-Programm tal-Matrikola
Student jista’ jagħżel kull kombinazzjoni ta’ suġġetti skont ir-regolamenti tal –MATSEC.
Programm Speċjali għall-Atleti ta’ Tim Nazzjonali
Dan il-programm speċjali huwa mmirat sabiex jgħin u jassisti atleti ta’ tim nazzjonali sabiex jibqgħu jistudjaw u jittrenjaw fl-istess żmien. Studenti parti minn dan il-programm ser ikollhom bosta vantaġġi sabiex ikunu jistgħu jittrenjaw bl-inqas xkiel possibbli, fosthom li t-timetables tagħhom jinkludu lezzjonijiet bejn id-09.00am u t-3.00pm (nhar ta’ Erbgħa sas-2.00pm) jekk is-suġġetti jippermettu u l-użu tal-faċilitajiet sportivi tal-istess Kulleġġ.
Programm Speċjali għal Studenti interessati fil-Mediċina, Kura tas-Saħħa u x-Xjenzi
Dan il-programm li jtul sena biss, huwa ideali għal-dawk l-istudenti li diġà wettqu l-kors tal-martikola fuq sentejn, u li jixtiequ jtejbu r-riżultati tagħhom sabiex ikunu jistgħu jidħlu għall-korsijiet tal-Mediċina u Kirurġija, Kura tas-Saħħa jew korsijiet xjentifiċi oħra offruti fl-Università ta’ Malta. Dan il-programm huwa magħmul b’reqqa apposta sabiex jgħin lil dawn l-istudenti jtejbu l-ħiliet prattiċi u xjentifiċi tagħhom u l-proċess tal-ħsieb analitiku meħtieġa, u mitluba mill-korsijiet universitarji li jitolbu il-bioloġija u l-kimika fuq livell avvanzat.
Korsijiet Serali fil-Prattika Xjentifika
Żewġ korsijiet separati wieħed fil-Bioloġija u l-ieħor fil-Kimika mmirati għal studenti li jixtiequ jistudjaw dawn is-suġġetti fuq livell avvanzat imma m’għandhom l-ebda aċċess għal-laboratorji. Dawn huma korsijiet prattiċi ġo laboratorju.
Aktar informazzjoni dwar dawn il-programmi ser tingħata waqt l-appuntament annwali ta’ Next Stop… Junior College – Open Day nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu. Il-Junior College ser jilqa’ lill-pubbliku bejn il-5.30pm u d-9.00pm. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżur il-faċilitajiet u jiltaqa’ mal-letturi wkoll. Il-Prinċipal ser ikun qed jiltaqa’ mal-ġenituri fl-awditorju tal-Kulleġġ fis-6.30pm.
Aktar informazzjoni dwar l-ammissjoni fil-Kulleġġ tinstab fuq is-sit tal-Junior College.