Data: Is-Sibt 27 ta’ April 2024
Ħin: 08:30 - 13:30
Post: Fl-Aula Prima tal-Valletta Campus, L-Universita ta' Malta
Konferenza fuq il-Proża Politika
Is-Sibt 27 ta’ April 2024, bejn it-08:30 u s-13:30, fl-Aula Prima tal-Valletta Campus, fi Triq San Pawl, il-Belt Valletta, se ssir konferenza nazzjonali bil-Malti fuq il-proża politika. Dan l-avveniment huwa miftuħ għall-akkademiċi, l-istudenti, u l-pubbliku ġenerali. Id-dħul huwa b’xejn imma dawk li jixtiequ jattendu għandu jirreġeistraw online.
It-tema tal-konferenza, organizzata bi sħab bejn id-Dipartiment tal-Politika Pubblika (FEMA) u d-Dipartiment tal-Malti (Fakultà tal-Arti) hija “In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika.” Sitt akkademiċi minn oqsma differenti se jiffukaw fuq xogħlijiet letterarji li jindirizzaw temi u ideat politiċi, u jirriflettu fuq ir-rabtiet kumplessi bejn il-letteratura, il-politika, u s-soċjetà.
Il-kelliema ewlenin huma Justine Somerville, Dr Kurt Borg, Romario Sciberras, Prof. Michael Spagnol, Dr Luke Buhagiar, u Dr Immanuel Mifsud. Wara l-preżentazzjonijiet tagħhom, Dr Marie Louise Mangion se tmexxi diskussjoni dwar ir-reżistenza politika fiċ-ċinema.
Il-konferenza se jiftħuha Prof. Mario Thomas Vassallo, il-Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika, u l-Prof. Inġ. Simon Fabri, Pro-Rettur għar-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien. Kirsty Azzopardi u Dr Marguerite Camilleri se jmexxu żewġ sessjonijiet bis-sehem tal-udjenza. Prof. Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u Prof. Emanuel Said, id-Dekan tal-FEMA, se jagħlqu l-konferenza.
Din hija t-tielet darba li dawn iż-żewġ dipartimenti minn fakultajiet differenti tal-Università ta’ Malta qed jaħdmu flimkien fuq konferenza nazzjonali. F’April tal-2023 saret it-tieni konferenza minn din is-sensiela ta’ “Lingua Politik” fuq ir-retorika politika. Il-ktieb bid-diskorsi li saru dakinhar, editjat minn Mario Thomas Vassallo u Michael Spagnol, se jingħata lil dawk kollha li jattendu għal din il-konferenza.
Il-programm tal-konferenza u l-formola tar-reġistrazzjoni qegħdin fuq malti.mt u fil-paġna tal-Facebook ta’ din l-attività bit-titlu “In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika.”