Attività: The Father, dramm rebbieħ ta’ għadd ta’ unuri, se jittella’ fi produzzjoni ġdida fit-Teatru Manoel
Data: 2 - 4 ta’ Frar 2024
Post: Teatru Manoel, Triq it-Tejatru l-Antik, il-Belt Valletta
It-Teatru Manoel, jippreżenta Il-Missier, traduzzjoni bil-Malti tad-dramm bil-Franċiż mill-pinna ta’ Florian Zeller, li kiseb għadd ta’ unuri. Jieħdu sehem Mario Micallef fil-parti ewlenija u Simone Ellul bħala bintu Anne. Il-produzzjoni Il-Missier għandu kast u tim kreattiv f’din il-verżjoni ġdida tradotta minn Alfred Palma u taħt direzzjoni ta’ Jacob Piccinino.
Mill-Ġimgħa 2 sal-Ħadd 4 ta’ Frar 2024, Teatru Manoel jistieden lill-pubbliku biex jattendi Il-Missier, produzzjoni b’saħħitha li se tqanqal il-ħsibijiet ta’ dawk li se jattendu. Tesplora l-isfidi li ġġib magħha l-età u l-effetti koroh tad-dimenzja, b’mod speċjali d-diżorjentazzjoni. Hekk kif ir-realtà titwaħħad mal-illużjoni, l-udjenza ssalpa fuq vjaġġ imqanqal ta’ empatija u inċertezza. It-traduzzjoni bil-Malti tittrasmetti l-emozzjonijiet u l-kumplessitajiet tat-test oriġinali, li jħeġġeġ lill-udjenza tesplora b’mod profond l-identità u l-fraġilità tal-moħħ uman.
“It-teatru għandu rwol importanti fl-espressjoni ta’ dak kollu li jagħmilna umani, l-isfidi, it-tamiet u l-biżgħat tagħna,” qal id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel Adrian Mamo. “Id-dramm ta’ Florian Zeller jittratta dak li probabbli huwa l-ikbar qattiel ta’ żminijietna, id-dimenzja. Hija rappreżentazzjoni tal-effetti tagħha fuq il-bniedem u fuq ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dawk li nħobbu, ippreżentat b’mod onest u anke xi drabi b’mod umoristiku. Din il-produzzjoni hija proċess ta’ katarsi fis-sens teatrali tradizzjonali iżda f’teatru kontemporanju.”
Id-dramm ġie miktub oriġinarjament bil-Franċiż minn Florian Zeller u wara ġie tradott għall-Ingliż minn Christopher Hampton. Il-Missier ittella’ mad-dinja kollha u kiseb għadd ta’ unuri prestiġjużi bħal Molière Award għall-Aqwa Dramm fl-2014, fost l-oħrajn. Fl-2020, Zeller idderieġa l-adattazzjoni għall-iskrin li fiha jieħdu sehem Sir Anthony Hopkins u Olivia Colman fil-partijiet ewlenin.
Fil-produzzjoni Il-Missier jieħdu sehem l-attur veteran tal-palk u t-televiżjoni Mario Micallef fl-irwol ta’ Andre, flimkien ma’ kast mill-aqwa magħmul minn Simone Ellul, Mikhail Basmadjian, Sarah Camilleri, Charles Sammut u Angele Galea. Il-Missier iwiegħed li jkun biċċa xogħol teatrali mill-aqwa li jħallik thewden dwar in-natura tar-realtà tagħna u r-rabtiet ta’ bejnietna.
“It-Teatru Manoel huwa kburi li għal darba oħra, se jgħaqqad numru ta’ artisti mill-aqwa minn sfondi teatrali divers f’din il-produzzjoni ġdida bil-Malti,” żied Mamo.
Għal iktar informazzjoni fuq din il-produzzjoni jew biex tixtri l-biljetti, żur is-sit jew ċempel fuq (+356) 21246389.