Matul il-kunċert fit-Teatru Manoel, se jkunu qed idoqqu numru ta’ kompożizzjonijiet mit-tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. B’tul ta’ madwar siegħa, il-programm jinkludi ‘Trio No. 3 in C, H.332’ ta’ Bohuslav Martinů, ‘Tristia for Piano Trio, S. 378c (wara La Valée d’Obermann)’ ta’ Franz Liszt u ‘Trio Nr. 2 g-Moll, Op. 26’ ta’ Antonín Dvořák. Dawn il-kompożizzjonijiet jinkludu partijiet ferm drammatiċi, imżewqa b’elementi romantiċi u grandjużi.
B’tempo kemm allegro kif ukoll andante, il-mużika offruta tul is-serata mhux biss se tinżel tajjeb ma’ dawk li jħobbu l-mużika klassika u l-mużika chamber, imma wkoll tipprovdi introduzzjoni mill-aqwa tal-ġeneru lil dawk li jitħajru jisimgħu din il-mużika.
Tfal ta’ ’l fuq minn 6 snin huma mistiedna jattendu l-kunċert sabiex jesperjenzaw dan il-ġeneru maġiku ta’ mużika live, probabbilment għall-ewwel darba.
Il-biljetti għal ‘Trio Incendio in Concert’ huma €25 (jew €20 għall-istudenti u anzjani) u jistgħu jinkisbu mill-Box Office tat-Teatru Manoel, jew mill-website.