Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1685
Title: Il-lingwaġġ tar-reklamar bil-Malti
Authors: Muscat, Keith
Keywords: Linguistic analysis (Linguistics) -- Maltese language
Advertising -- Language -- Maltese
Television advertising -- Malta
Issue Date: 2014
Abstract: Meta ġejt biex nagħżel it-tema tat-teżi tiegħi, l-ewwel ħsieb li tlaqt bih kien li ridt tema li tqanqal interess ġenwin ġewwa fija. Ħsieb ieħor li kelli; jew aħjar xewqa kienet li t-teżi tiegħi ma tkunx waħda għal fuq l-ixkaffa imma li xi darba fil-futur, xi ħadd jiftaħha u jsibha utli għall-istudji jew għall-għarfien personali tiegħu. Nimmaġina li dawn il-ħsibijiet u xewqat huma komuni f’ħafna studjużi li jkunu se jirriċerkaw dwar xi suġġett partikolari. Nemmen li kwalunkwe studjuż ġenwin għandu jkollu l-intenzjoni li apparti milli jikseb it-tagħrif għalih personali, dan it-tagħrif jgħaddih ukoll lil ta’ madwaru. Suġġett li minn dejjem kelli ġibda naturali lejh huwa r-reklamar. Niftakarni minn meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, waqt li ommi u missieri kienu jkunu qed jistennew bil-ħerqa li jibdew l-aħbarijiet ta’ filgħaxija, kont nissaħħar bir-reklami li jixxandru fuq l-istazzjonijiet lokali. Kienet l-hena tiegħi nara reklami tal-ġugarelli, reklami b’xi jingle tal-widna jew xi messaġġ promozzjonali mqanqal u xi ftit umoristiku. Dan l-interess fir-reklamar influwenzani biex wara li għaddejt mill-eżamijiet tas-SEC nagħżel is-suġġett tal-marketing f’livell avvanzat u nistqarr li flimkien mal-Malti, kien wieħed mill-iktar suġġetti favoriti tiegħi. Mhux suġġett li jirrikjedi biss li titgħallem teoriji u tieħu n-noti bħal ħafna suġġetti oħrajn. Hu suġġett li jirrikjedi li tkun innovattiv, kreattiv u kontinwament konxju ta’ x’inhu jiġri madwarek. Kelli l-opportunità li nistudja dwar temi bħal kif tibni ditta mill-bidu sal-aħħar, perspettivi ta’ kif jitmexxew negozji u metodi differenti ta’ reklamar. Din it-tema tal-aħħar kienet l-iktar tema li interessatni u minn hemm tista’ tgħid li nibtet fija l-idea li nanalizza l-aspetti differenti tal-lingwaġġ tar-reklamar. In-numru ta’ elementi lingwistiċi li wieħed jista’ janalizza f’lingwaġġ huwa infinit u ħassejt li d-dinja tar-reklami għandha ħafna x’toffri lill-istudju tal-lingwa. Illum il-ġurnata, ngħixu f’dinja bbumbardjata bir-reklamar kull fejn wieħed idawwar ħarstu. Biżżejjed persuna tosserva kemm tiltaqa’ ma’ prodotti u ditti differenti fil-ftit minuti waqt li tkun qed taħsel snienha, tagħżel il-ħwejjeġ tal-ġurnata, tieħu l-kolazzjon u taqra l-gazzetta. Jana Lapsanská tgħid hekk dwar dan: “Advertising has become the part and parcel of present-day life. From everywhere around us, advertisements of diverse types attack our privacy. In spite of it, there is an attractive power, which is able to manipulate the consumer; an invisible voice of advertisement advocates, encourages, asks, announces and deeply embeds into people’s minds.” - (Lapsanská) Iktar ma jidħlu prodotti u servizzi ġodda fis-suq, iktar tiħrax il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji. Iktar ma tiħrax il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, iktar kumpaniji jfittxu li jużaw l-aħjar modi ta’ kif jattiraw klijenti ġodda. Għal dan il-għan jużaw diversi mezzi: it-televixin, il-gazzetti, ir-rivisti, ir-radju, il-mezzi soċjali u l-blogs fost oħrajn (White). Dan l-istudju huwa maqsum f’ħames kapitli. L-ewwel se nibdew billi niddefinixxu x’inhu reklam u nagħtu ħarsa storika lejn ir-reklamar u l-evoluzzjoni tiegħu matul iż-żmien. Wara li nagħmlu dan, se naraw id-differenza bejn it-taħdit u l-kitba u nidentifikaw il-mezzi prinċipali tar-reklamar. Fil-kapitlu ta’ wara se nagħmlu analiżi tad-diversi karatteristiċi lessikali, morfoloġiċi u sintattiċi li nsibu f’reklamar bil-Malti. Se nagħtu ħarsa wkoll lejn numru ta’ tekniki stilistiċi differenti li jintużaw fil-binja tar-reklami. Fl-aħħar kapitlu ta’ dan l-istudju, jiġifieri fil-konklużjoni se naraw xi ħsibijiet u punti importanti li ħarġu mill-analiżi tal-lingwaġġ tar-reklamar Malti.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1685
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL028.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0281.97 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.