Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/29854
Title: | Is-sengha tal-iskarpan u l-vokabolarju tekniku taghha |
Authors: | Mejlak, Daniel |
Keywords: | Shoemakers -- Malta Maltese language -- Vocabulary |
Issue Date: | 2017 |
Abstract: | Hekk kif tirfes l-għatba tal-ħanut tal-iskarpan, imnifsejk jimtlew b’riħa qawwija ta’ ġlud, kolla, żebgħa u għeluq. Imbagħad sewwasew fin-nofs tal-ħanut, moħbi qalb l-għodda, makkinarju u kull xorta ta’ oġġett tilmaħ raġel aktarx imdaħħal fiż-żmien, liebes il-fardal u bilqiegħda fuq banketta, għaddej jaħdem bla heda b’xi żarbun f’ħoġru. Niftakar li sa minn meta kont għadni żgħir, ommi kienet teħodni nsewwi ż-żarbun tal-iskola għand l-iskarpan. Jien qatt ma kelli lil xi ħadd jiġi minni li kien skarpan imma, minħabba f’dan, xorta waħda kibret fija l-imħabba lejn din is-sengħa tradizzjonali. L-għajnuna li kelli biex nagħmel dan kienet tassew limitata, peress li jien ma kont naf kważi xejn dwar din is-sengħa u ftit inkiteb dwarha, imma dan ma żammnix milli nwettaq ix-xewqa tiegħi li nagħmel teżi dwar is-sengħa tal-iskarpan. Minn meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel kont nixtri kotba relatati mas-snajja’ Maltin u kont ninteressa ruħi ferm kif missirijietna kienu kapaċi jagħmlu kollox minkejja n-nuqqasijiet li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom. Mhux b’għaġeb, mela, li nibtet fija l-ħolma li xi darba nkun jien li noħloq xi ħaġa li turi l-kobor ta’ xogħol l-antenati tagħna. Kien għalhekk li meta ġejt biex nagħżel it-titlu tat-teżi mill-ewwel mort għal xi ħaġa marbuta mas-snajja’. Minn hemm ’il quddiem ma ħaristx lura u kont konvint li nagħmel li nista’ biex niddokumenta waħda mis-snajja’ li saħħritni sa minn ċkuniti. Din it-teżi tittratta l-proċess ta’ kif kien isir żarbun fl-imgħoddi u kif dan jissewwa jew jiġi rranġat b’diversi modi. L-għan aħħari wara dan hu li niġbor vokabolarju ta’ termini marbuta ma’ din is-sengħa antika u tradizzjonali tagħna l-Maltin. Għalija hi ħasra xħin niftakar li sengħa li tiswa mitqilha deheb tista’ fi ftit żmien ieħor tintilef għal dejjem u magħha t-termini kollha li ġġib magħha. Jien ġbart flimkien it-termini li jinsabu mxerrda f’diversi kotba, u dawk li sibt jien waqt ir-riċerka tiegħi, termini li kienu għadhom qatt ma ġew miġbura. Dawn issa sabu posthom f’ġabra waħda u jinkludu: ismijiet ta’ għodda u makkinarji, l-ismijiet tal-partijiet differenti taż-żarbun u dawk ta’ materjali differenti li jiġu użati. B’żieda ma’ dawn hemm għadd ġmielu ta’ ritratti, xi filmati u anke diversi intervisti. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/29854 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArt - 2017 Dissertations - FacArtMal - 2017 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
17BAMAL011.pdf Restricted Access | 11.83 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.