Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/37893
Title: Bejn kanzunetta u poezija : il-lirika tal-Brikkuni
Authors: Francalanza, Sephora
Keywords: Lyric writing (Popular music)
Songs, Maltese -- Texts
Brikkuni (Musical group)
Issue Date: 2018
Citation: Francalanza, S. (2018). Bejn kanzunetta u poezija: il-lirika tal-Brikkuni (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżi tinqeda bit-teorija u l-kritika letterarja biex tistħarreġ il-lirika tal-kanzunetti tal-grupp Brikkuni u tara jekk għandhiex post fid-dinja tal-letteratura Maltija. Id-distakk bejn dak li jitqies bħala letteratura u dak li ma jaqax taħt din il-kategorija llum jiddeċidih il-kanonu letterarju, li fil-każ tal-letteratura Ingliża, pereżempju, huwa wieħed uffiċjali. Iżda f’Malta, minkejja li ma jeżistix kanonu stabbilit, xorta waħda donnu hemm kriterji fil-qasam akkademiku li jiddistingwu bejn xogħol li hu letterarju u xogħol li mhuwiex, u l-lirika tal-kanzunetti donnha ma tissodisfax il-kriterji tal-kitba letterarja. Il-lirika għandha l-istess pożizzjoni barra mill-kanonu letterarju f’kulturi oħrajn ukoll, iżda s-sitwazzjoni mhux minn dejjem kienet hekk. Il-poeżija taf il-bidu tagħha lill-mużika, għaliex bdiet tinkiteb bħala akkumpanjament għall-istrument tal-lira (Cooper 135). Dan l-istudju jistħarreġ ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dixxiplini llum, f’kuntrast mal-imgħoddi meta kienu jikkumplimentaw lil xulxin. L-għan ta’ dan l-istudju huwa, għalhekk, li jfittex li jifred il-lirika mill-mużika li tmur magħha biex jara jekk il-lirika jirnexxilhiex tkampa waħedha bħala poeżija. Il-Ħarsa Kritika tħares lejn ir-relazzjoni bejn il-lirika tal-kanzunetti u l-letteratura minn perspettiva iktar wiesgħa. Mhijiex biss is-soċjetà Maltija li taħseb li l-lirika tal-kanzunetti mhijiex poeżija, iżda dan il-ħsieb huwa mifrux ħafna usa’ minn hekk. Fil-Ħarsa Kritika nsemmi diversi kantawturi li jiktbu bl-Ingliż, fosthom Bob Dylan u Leonard Cohen, u bit-Taljan, bħal Fabrizio de André, li huma punti ta’ riferiment importanti għall-grupp Brikkuni. F’intervista li ta lil Ramona Depares, Vella stqarr li l-ħsieb li jwaqqaf il-grupp beda jberren wara li ġie f’idu l-album Anime Salve ta’ De André (Brikkuni, “Brikkuni’s Second Album”). Fis-sebgħinijiet, il-kantawturi Taljani għażlu li jiddevjaw mill-canzone all’italiana, it-tip ta’ kanzunetta li kienet tinstema’ fil-festival ta’ San Remo, u minflok jibdew jiktbu fuq il-popolin, bil-kanzunetti tagħhom jieħdu xeħta aktar soċjali minn lenti introspettiva (Agostini 391). Vella qorob lejn dan permezz tal-kanzunetti bikrin tal-Brikkuni, li sikwit jironizzaw u jirredikolaw aspetti mill-ħajja soċjali Maltija. F’dan il-kapitlu niffoka partikolarment fuq il-mistoqsijiet li tqanqlu meta Bob Dylan rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-2016, kwistjoni li kienet attwali ħafna meta bdejt ir-riċerka tiegħi għal dan l-istudju, għaliex bosta nies ma qablux li wieħed li jitqies primarjament bħala kantawtur, u mhux bħala kittieb, kien jistħoqqlu jingħata premju daqshekk prestiġjuż fid-dinja letterarja. Diffikultà li ffaċċjajt jien u nikteb dan il-kapitlu kienet in-nuqqas ta’ kitbiet kritiċi fuq is-suġġett, speċjalment f’Malta.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/37893
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2018
Dissertations - FacArtMal - 2018

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
18BAMAL012.pdf
  Restricted Access
1.23 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.