Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100120
Title: Il-kultura materjali u l-lingwa ta’ tliet qrieċel bikrin
Authors: Bugeja, Kelly (2022)
Keywords: Qarċilla
Satirical plays, Maltese
Linguistic analysis (Linguistics)
Register (Linguistics)
Maltese language -- Lexicology
Maltese language -- Morphology
Maltese language -- Phonology
Maltese language -- Idioms
Language and culture -- Malta
Issue Date: 2022
Citation: Bugeja, K. (2022). Il-kultura materjali u l-lingwa ta’ tliet qrieċel bikrin (Bachelor's dissertation).
Abstract: L-analiżi ta’ testi antiki bil-Malti hija ta’ siwi kbir għaliex minn dawn nistgħu nieħdu idea ta’ kif żviluppa l-Malti matul is-snin. Huwa interessanti aktar u aktar meta test partikolari jkun marbut ma’ perjodu partikolari tas-sena, bħalma hi l-qarċilla marbuta mal-karnival, u li minnha nistgħu nisiltu xi informazzjoni kulturali fuq Malta. Dan nistgħu nagħmluh sa mill-ewwel qrieċel li nkitbu fis-sekli 18 u 19, żmien meta lambjent lokali u s-soċjetà Maltija kienu differenti minn tal-lum. Ladarba l-qarċilla hija riflessjoni indiretta tal-qagħda soċjali u kulturali taż-żmien li fih inkitbet, minn dawn it-testi nistgħu nisiltu xi għarfien dwar dak il-perjodu. Din kienet ir-raġuni għalfejn iddeċidejt li niddedika r-riċerka tiegħi lil dan is-suġġett. Bħala persuna kurjuża fuq l-istorja ta’ pajjiżi u l-imħabba li għandi lejn il-Malti, minn dejjem kienu ta’ interess kbir għalija d-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin. Għall-ewwel, fil-bidu tal-proċess biex nagħżel titlu, ma kellix il-qarċilla f’moħħi. Infatti kien il-Prof. Manwel Mifsud li semmieli l-qarċilla għall-ewwel darba bħala l-qasam tar-riċerka tiegħi, u ssuġġerieli wkoll li nkellem lil Dr Olvin Vella li kien iktar midħla tas-suġġett. Onestament ma kontx naf x’inhi jew x’tikkonsisti l-qarċilla minkejja li t-terminu kont smajtu qabel minn xi lezzjoni. Għalhekk kienu l-kurżità tiegħi u l-idea ta’ riċerka marbuta ma’ xi tradizzjoni jew drawwa, flimkien ma’ konverżazzjonijiet ma’ Dr Vella dwar x’idea kellu, li wassluni biex nirriċerka fuq il-qarċilla. B’din it-teżi, għalhekk, kelli l-opportunità li nitgħallem dwar drawwa karnivaleska u fl-istess ħin nagħti kontribut lil-lingwa Maltija. F’dan l-istudju ser inkun qed nanalizza tliet qrieċel bikrin: tal-1826, tal-1863 u tal-1864, u nsemmi xi ħaġa żgħira fuq il-qrieċel li ħarġu mill-2014 ’l quddiem. Ser nitkellem fuq xi aspetti lessikali użati fl-eqdem qrieċel għax marbutin mal-kultura materjali tal-Maltin. Dan kien wieħed mis-sodisfazzjonijiet li tani dan l-istudju għaliex tgħallimt kliem arkajku u forom morfoloġiċi obsoleti. It-testi li analizzajt iddeċidejt li nittraskrivihom biex b’hekk ikollna kopja tal-qrieċel oriġinali u fl-istess waqt ikunu miġburin f’pubblikazzjoni waħda. Flimkien mat-traskrizzjoni, iddeċidejt li naqleb it-test għall-Malti Modern biex il-qari jkun iktar faċli għall-qarrejja u jifhmu t-test u ma jitilfux mill-gost umoristiku li joffru dawn il-versi. Din id-deċiżjoni wasslet għal ftit diffikultà minħabba li ridt noqgħod attenta għal kull sinjal ortografiku biex ma nitlifx xi informazzjoni utli għar-riċerka u biex ma ntellifx l-oriġinalità tat-test. Kien proċess li ħadli ħafna ħin u li rrikjeda ħafna attenzjoni u paċenzja, u għalhekk f’xi mumenti kien sar ukoll proċess daqsxejn tedjanti. Iżda meta tasal għall-verżjoni finali tat-traskrizzjoni tħoss sodisfazzjon kbir. Deċiżjoni oħra li kelli nieħu hija rigward il-kwotazzjonijiet. Sabiex nevita xi tip ta’ diffikultà lill-qarrejja milli jifhmu u forsi ttellef xi ftit l-argument tiegħi, iddeċidejt li l-aħjar nikkwota mill-verżjoni tal-Malti Modern. Ikkwotajt mit-test oriġinali fil-każ tan-noti ortografiċi, partikolarment meta nirreferi għall-kitba fonetika, sabiex insaħħaħ l-argument tiegħi b’eżempji oriġinali. Iddeċidejt li niddedika kapitlu għal kull qarċilla, li mbagħad jinqasam f’taqsimiet oħrajn, bl-ewwel u t-tieni taqsima dejjem ikunu t-traskrizzjoni u l-verżjoni tal-Malti Modern. Fil-każ tat-tieni kapitlu li jittratta l-qarċilla tal-1863, it-traskrizzjoni u l-verżjoni tal-Malti Modern jinsabu fl-ewwel taqsima, minħabba li kien permess li ż-żewġ verżjonijiet tat-test ikunu paralleli ħdejn xulxin. Fiż-żewġ qrieċel l-oħrajn, tal-1826 u tal-1864, dan il-format ma kienx possibbli għax ma ridtx li ngerfex il-format oriġinali tat-test li jinkludi d-didaskalija fil-ġenb. L-ewwel kapitlu ser jiddiskuti l-qarċilla tal-1826. Fit-tielet taqsima niddiskuti kif xi drabi l-karnival kien isir fi Frar jew f’xahar ieħor. Imbagħad tiġi diskussa l-kultura materjali marbuta mal-aspett kulinari u l-mod t’għajxien tal- Maltin, kif ukoll dwar il-pesta li nsibu xi referenzi għaliha. Il-ħames taqsima tixħet dawl fuq l-aspett teatrali li għandha l-qarċilla, u s-sitt taqsima hija dwar il-karattru tal-għarusa u dak kollu li jikkaratterizzaha, bħall-insulti deumanizzanti min-naħa tan-nutar, għax it-trattament tagħha huwa differenti minn tal-għarus. Fit-tmien taqsima naraw l-element tad-doppju sens u kif il-kittieb jirreferi għall-affarijiet sesswali b’modi differenti. Id-disa’ taqsima timmarka r-reġistri differenti li jidhru matul ix-xogħol tal-qarċilla u l-aħħar taqsima tittratta l-kummenti lingwistiċi, marbutin mal-morfoloġija, mal-fonoloġija, mal-ortografija, mal-lessiku u mal-idjomi. Fit-tieni kapitlu għandna l-qarċilla tal-1863. It-tielet taqsima tiddiskuti kif għall-kuntrarju tal-manuskritt tal-1826, tal-1863 kienet ġiet stampata u naraw il-ħsibijiet li kellu l-kittieb wara kull deċiżjoni li ħa dwar l-istampar tagħha. Wara naraw il-kultura soċjali, partikolarment dwar il-ballijiet li kienu jsiru fi żmien il-Karnival, is-suq, is-serq mill-għelieqi u tradizzjoni Maltija marbuta maż-żwieġ. Fil-ħames taqsima tiġi ttrattata l-professjoni notarili, u fit-taqsima ta’ wara hemm imniżżlin ir-reġistri diversi li jidhru. Is-seba’ taqsima turi l-karatteristiċi li wieħed isib fil-karattri tal-għarajjes. Il-qarċilla tal-1863 hija l-iktar waħda li tixbah kontenutistikament tal-1760 u għalhekk iddedikajt ittmien taqsima biex niddiskuti dan ix-xebh bejniethom. Id-disa’ taqsima hija dwar id-dota u kif tiġi ppreżentata u nagħlaq dan il-kapitlu b’analiżi lingwistika dwar xi noti morfoloġiċi, fonoloġiċi, ortografiċi, lessikali u idjomatiċi. It-tielet kapitlu jibbaża fuq il-qarċilla tal-1864. L-aspett teatrali jerġa’ jidher u fuq dan għandna t-tielet taqsima. Fir-raba’ taqsima naraw ix-xebh li hemm bejn din il-qarċilla u tal-1863, riżultat tal-qrubija fiż-żmien. Il-ħames taqsima tiddiskuti l-karattri tan-nutar u tal-għarajjes u d-dotarju. Is-sitt taqsima hija dwar il-kultura soċjali u fiha naraw iktar informazzjoni dwar x’kienu jagħmlu l-Maltin f’dak li llum insejħulu l-‘engagement’ u nerġgħu naraw ukoll kemm kienu popolari l-ballijiet. L-aħħar żewġ taqsimiet huma dwar ir-reġistri u l-analiżi lingwistika. Ir-raba’ kapitlu jitkellem fuq il-qrieċel moderni mill-2014 ’l hawn u ser niddiskuti x’ħidma saret min-naħa tad-Dipartiment tal-Malti biex irawwem din id-drawwa u ser insemmi wkoll l-iżviluppi li saru fi ħdan din it-tradizzjoni.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100120
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL005.pdf
  Restricted Access
1.54 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.