Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100129
Title: Bil-qadfa l-qadfa : ġabra tat-terminoloġija tar-regatta tradizzjonali
Authors: Buhagiar, Andrea-Michele (2022)
Keywords: Regattas -- Malta
Regattas -- Terminology
Maltese language -- Vocabulary
Maltese language -- Parts of speech
Maltese language -- Verb
Issue Date: 2022
Citation: Buhagiar, A.-M. (2022). Bil-qadfa l-qadfa: ġabra tat-terminoloġija tar-regatta tradizzjonali (Bachelor's dissertation).
Abstract: “Il-Maltin jagħmlu għalihom dawn it-tiġrijiet tad-dgħajjes u dari aktar mil-lum. Jagħmlu għalihom daqskemm, ngħidu aħna l-Ingliżi jagħmlu għat-tiġrija fuq it-Thames bejn l-Universitajiet ta’ Oxford u Cambridge, li saret l-ewwel darba fl-1829. Ma tarax ħlief nies kull fejn jagħti għal fuq il-Port, fuq il-bjut, mal-mollijiet tax-Xatt, fuq is-swar tal-Belt u l-Isla, man-niżla tal-Kurċifiss, kullimkien mimli daqs bajda bin-nies, kulħadd jimbotta biex jersaq ’il quddiem ħalli jara aħjar. U fuq il-baħar ukoll.” (Cassar Pullicino 7) 1.1.Daħla : F’dan ix-xogħol se nistudja kif żviluppat ir-Regatta Tradizzjonali matul is-snin kif ukoll irreġistru marbut magħha. Mindu kont ċkejken, il-ħarġa tal-familja nhar ta’ Sibt filgħaxija ta’ spiss kienet tkun ikla ġewwa restorant bl-isem D Kalkara Regatta. Minn dejjem affaxxinawni l-inkwatri mdendlin mal-ħitan tar-restorant bir-ritratti tal-qaddiefa bl-imqadef f’idejhom fid-dgħajjes dojoq dojoq. Minn hemm nibtet din il-ħajra tiegħi li nagħmel dan l-istudju. Missieri għex tfulitu l-Kalkara, fil-qalba tax-xatt, jistenna l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, li tkun l-aħħar ġimgħa ta’ qabel it-tiġrija tar-Regatta Nazzjonali tasal, biex isegwi l-provi li jwasslu sal-jum mistenni tal-Vitorja. 1.2. Il-ħtieġa ta’ din it-teżina : Fil-passat saru diversi teżijiet relatati ma’ diversi tipi ta’ reġistri bħal pereżempju r-reġistru tal-futbol (Attard 2011), tax-xagħar (Busuttil 2013), tal-kċina (Fenech 2013), tal-baned (Sciberras 2015), tal-inbid (Xiberras 2015), tal-kaċċa u l-insib (Cutajar 2015), tal-ilbies (Camilleri 2015), tal-għaġin (Axiak 2017), tal-iskarpan (Mejlak 2017), tal-biedja (Mizzi 2019), tat-tqala u ħlas (Monreal 2019), tal-ħaddied (Bajjada 2019), tal-ħjata (Degabriele 2020) u tas-sengħa tan-nagħal u t-trobbija taż-żwiemel (Magro 2020). Madankollu, fost dawn ix-xogħlijiet kollha, ma sar l-ebda studju relatat mar-Regatta Tradizzjonali u r-reġistru tagħha. Għalhekk ħassejt li għandi nieħu l-opportunità u nkun jien l-ewwel wieħed li nagħmel studju lessikali ta’ kif żviluppat matul is-snin. Xtaqt li nagħmel din ir-riċerka biex nippreserva t-terminoloġija marbuta mar-Regatta Tradizzjonali. Bis-saħħa tal-għajnuna li tawni l-informanti li għażilt għal dan l-istudju, irnexxieli niġbor kemm jista’ jkun lessiku relatat mar-Regatta Tradizzjonali. B’hekk xogħli jista’ jservi ta’ referenza kemm għal dawk kollha li tinteressahom din it-tiġrija bid-dgħajjes, kif ukoll għal studenti bħali li fil-futur beħsiebhom jiġbru r-reġistru ta’ xi qasam jew ieħor. 1.3. L-għanijiet : L-għan ewlieni ta’ din it-teżina huwa li kemm minn sorsi varji kif ukoll mill-intervisti li għamilt lid-diversi parteċipanti li ġentilment aċċettaw li jgħinuni f’dan l-istudju, inkun nista’ niġbor kemm jista’ jkun tagħrif dwar ir-Regatta Tradizzjonali. Dan it-tagħrif kien se jservi bħala pedament biex nibni glossarju bit-terminoloġija marbuta mar-Regatta Tradizzjonali. 1.4. It-tqassim tat-teżina : Dan ix-xogħol huwa mqassam f’ħames kapitli. Nibda dan ix-xogħol bl-Introduzzjoni. F’dan il-kapitlu, nispjega fil-qosor fiex tikkonsisti din it-teżina. Nagħti ħarsa wkoll lejn dak li nkiteb qabel dwar dan is-suġġett. Fl-Introduzzjoni ngħid x’xogħlijiet simili rriċerkajt u kkonsultajt, ngħidu aħna teżijiet rigward glossarju partikolari, li l-istess bħat-teżina tiegħi,“L-għan aħħari tiegħi huwa li niġbor il-vokabularju tat-termini u lessemi użati f’dawn l-oqsma, biex ma jintilfux.” (Magro 2020), filwaqt li nesprimi li “Għalija hi ħasra xħin niftakar li sengħa li tiswa mitqilha deheb tista’ fi ftit żmien ieħor tintilef għal dejjem u magħha t-termini kollha li ġġib magħha.” (Mejlak 2017). Nagħmel referenza wkoll lejn il-perkors li segwejt; minn fejn tlaqt, x’inhuma l-għanijiet tiegħi, kif ħejjejt ruħi biex nilħaqhom u r-riżultati li xtaqt nilħaq. Fit-tieni kapitlu, nagħti ħarsa storika lejn l-avveniment tar-Regatta Tradizzjonali. Nibda mill-oriġini ta’ din it-tradizzjoni Maltija, mill-bidu nett tagħha, u nkompli billi nagħti deskrizzjoni ta’ kif dawn it-tlielaq tad-dgħajjes evolvew matul is-snin. Ikkunsidrajt ukoll nibda minn punt usa’, fuq l-idea ġenerali tar-regatti madwar id-dinja, u dwar tipi ta’ regatti differenti li jsiru Malta. Dan sabiex jintwera li r-Regatta Tradizzjonali f’Malta ma bdietx mix-xejn. F’din il-parti ninkludi wkoll is-sehem tad-distretti li pparteċipaw u li għadhom jieħdu sehem fir-Regatta, flimkien mad-deskrizzjoni tad-dgħajjes, shields, paljijiet u unuri oħra mirbuħa. L-għan hu biex il-qarrej jiffamiljarizza ruħu mal-kuntest li fih issir ir-Regatta. Għax bħalma r-Regatta tagħna ma bdietx mix-xejn, hekk ukoll ittermini, ma jeżistux għalxejn. It-tielet kapitlu huwa preparazzjoni għall-ħames kapitlu. Dan minħabba li fit-tielet kapitlu niddeskrivi r-reġistru tar-Regatta Tradizzjonali, li huwa l-għan prinċipali ta’ din it-teżina. Hawnhekk nagħti ħarsa lejn studji li saru dwar reġistri ta’ oqsma differenti fil-Malti. Nagħti ħarsa wkoll lejn diversi teżijiet li huma tal-istess natura tax-xogħol tiegħi u nagħtihom ħarsa kritika fil-qosor. Fit-tielet kapitlu nirreferi għal xi kitbiet akkademiċi li qrajt dwar l-intervisti biex nitħejja dwar l-arti tal-intervista. Hawnhekk qed nirreferi l-aktar għal kitbiet bħal Sociolinguistics ta’ Hudson, R. A., u Conducting research interviews ta’ Rowley, J. https://www-proquestcom. ejournals.um.edu.mt/docview/928748740?OpenUrlRefId=info:xri/sid:primo&accountid=27934. Nagħti ħarsa ġenerali lejn l-intervisti li għamilt lill-parteċipanti li aċċettaw li jgħinuni f’dan l-istudju. Hawnhekk nispjega min kienu dawn l-informanti u x’kienet id-deċiżjoni li wasslitni biex nagħżel propju lilhom. Hawnhekk ngħid ukoll kif ħejjejt l-ewwel sett ta’ mistoqsijiet waqt intervista bħala studju pilota. Ir-raba’ kapitlu huwa l-qofol ta’ dan ix-xogħol. Fih glossarju dettaljat tat-termini marbuta mar-Regatta Tradizzjonali, li jiena ppreżenajt fil-forma ta’ tabelli. Il-glossarju huwa mqassam f’taqsimiet differenti, jiġifieri opri tar-Regatta tal-passat u tal-preżent; partijiet tal-opri tar-Regatta; injam, materjal u termini oħra użati fil-bini tal-opri tar-Regatta; għodda tal-bennejja tal-opri tar-Regatta; termini tal-ġurija; it-toponomastika; verbi u azzjonijiet oħra u nies involuti fir-Regatta. Il-ħames kapitlu se jkun konklużjoni ta’ din it-teżina fejn niġbor fil-qosor ir-riżultati tat-taqsimiet ewlenin u nagħti wkoll xi suġġerimenti lil dawk kollha li se jkunu qed jagħmlu xi teżina simili għal tiegħi fil-futur. Fl-aħħar nett, wieħed isib biblijografija ta’ riżorsi li jien ikkonsultajt, sett ta’ ritratti li ħadt waqt din ir-riċerka, ġabra ta’ qwiel, idjomi u frażijiet marbutin mat-tbaħħir, kif ukoll xi traskrizzjonijiet tal-intervisti li għamilt. […]
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100129
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL006.pdf
  Restricted Access
12.29 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.