Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100164
Title: Is-sublimi fil-poeti romantiċi : Dun Karm, Rużar Briffa u Ġorġ Zammit
Authors: Spiteri, Cherise (2022)
Keywords: Karm, Dun, 1871-1961 -- Criticism and interpretation
Briffa, Rużar, 1906-1963 -- Criticism and interpretation
Zammit, George, 1908-1990 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Romanticism -- Malta
Sublime, The, in literature
Issue Date: 2022
Citation: Spiteri, C. (2022). Is-sublimi fil-poeti romantiċi: Dun Karm, Rużar Briffa u Ġorġ Zammit (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżi se tagħti spjegazzjoni wiesgħa tal-kunċett tas-sublimi fl-arti u fil-letteratura, billi qabelxejn tidentifika d-diversi modi kif jintlaħaq is-sublimi poetiku, b’analiżi xierqa tad-dinamika tiegħu. Fil-perjodu Romantiku dan is-suġġett ġie żviluppat b’mod kemm sofistikat kif ukoll artistiku, u anke fir-Romantiċi Maltin jispikka, minkejja li, ironikament, ma tantx ġie mistħarreġ bħala xejra rikorrenti tal-perjodu. Essenzjalment, is-sublimi, li se jiġi ttrattat ħafna iktar fid-dettal fil-kapitli li jsegwu, jikkonsisti fit-tlaqqigħ ta’ faxxinu u biża’, kalma u ansjetà, quddiem il-kobor tan-natura. B’elementi ominjużi li jintrabtu ma’ oħrajn meraviljużi, il-ħsus ġenerali tal-uman jiksbu ċokon quddiem il-kobor misterjuż tal-ħolqien. Kif se jintwera iktar ’il quddiem, dawn ix-xejriet ġenerali jinqasmu f’dettalji u sfumaturi aktar sofistikati skont il-poeti li se jiġu ttrattati, speċjalment fejn id-dinamika tas-sublimi tiżviluppa b’mod li tissuġġerixxi anke element spiritwali inserit fl-ambjent naturali. L-għan ewlieni ta’ dan l-istudju huwa li tinħoloq kuxjenza dwar is-sublimi bħala aspett Romantiku b’oriġini Klassika, suġġett li minkejja l-prattika mifruxa tiegħu rari ġie diskuss u studjat bħala tmiem fih innifsu. Meta l-awturi jsawru xogħol artistiku, għandhom is-setgħa jdaħħlu fih elementi kuntrarji, taħlita ta’ emozzjonijiet li jirrendu lid-dinja tax-xogħol artistiku ekwilibrata bejn elementi ta’ stkerrih u oħrajn ta’ stagħġib, b’tali mod li l-osservatur ma jkunx jista’ jaqtagħha li din id-dinja hija attraenti mingħajr tħassib, jew sors ta’ tħassib mingħajr ġibda. L-ideat li se jiġu ppreżentati fil-kapitli li jsegwu jittrattaw lati u tipi differenti tal-kunċett u l-esperjenza tas-sublimi, varjetà maħluqa mit-tekniki diversi ta’ poeti differenti. B’dan ilmod, din it-teżi tikkumpensa għan-nuqqas ta’ riċerka u studji Malti li jagħtu informazzjoni dwar il-kumpless ta’ ħsus kuntrastanti li flimkien jiffurmaw il-mument sublimi. Apparti milli se tagħti bidu għal stħarriġ sistematiku ta’ dan is-suġġett, it-teżi toffri wkoll għajnuna biex ilkomponenti tas-sublimi jingħarfu aktar malajr u b’hekk jintlaħqu bħala tiġrib artistiku u spiritwali mill-qarrejja. Fil-qafas tal-kapitli hemm żvilupp gradwali li jitlaq mill-aktar ideat ġenerali dwar is-sublimi sa argumenti dwar l-irwoli tiegħu fil-poeti magħżulin bħala eżemplari: Dun Karm Psaila, Rużar Briffa u Ġorġ Zammit. F’din it-teżina se jiġu analizzati ħafna poeżiji ta’ dawn it-tliet ilħna liriċi, u kull waħda minnhom se tarrikkixxi l-esperjenza ġenerika tassublimi b’għadd ta’ varjazzjonijiet u varjanti. L-ewwel kapitlu jiddiskuti teoriji differenti li ttrattaw l-idea tas-sublimi. Il-kapitlu jagħti ħarsa lejn kif beda dan il-kunċett, min tkellem dwaru, x’ġie mitħaddet u kif ġie ddefinit. Se tingħata ħarsa fil-fond lejn dawn l-argumenti u se jinsiltu eżempji mill-poeti differenti sabiex xejriet diversi tad-dehra sublimi japprofondixxu l-argumentazzjoni, anki bl-iskop li jintwera kif is-sublimi jista’ jieħu diversi għamliet u kuntesti f’ġeneri artistiċi differenti. Se jintwerew stadji differenti tal-istorja u l-evoluzzjoni tas-sublimi, minn kittieba Klassiċi u aktar moderni, fosthom Lonġinu, Burke, Kant, Wordsworth u Coleridge. Se jingħataw ukoll l-osservazzjonijiet tagħhom dwar x’inhu s-sublimi u l-effetti diversi li jqanqal fl-udjenza tiegħu. Wara dan il-kapitlu, it-teorija se tiġi applikata fuq it-tliet poeti Maltin. Il-preżenza spiritwali, il-postijiet imwarrbin imfittxa, il-mard mifrux bħala atmosfera, u t-temporalità huma xi wħud mill-kundizzjonijiet li jattwaw is-sublimi poetiku, u se jiġu mistħarrġa bħala sors ta’ riflessjoni trankwilla għalkemm imħassba. Mill-idea ġenerali tal-ewwel kapitlu, se ngħaddi għat-tliet kapitli sussegwenti li fihom issir analiżi tal-poeżiji li jwettqu varjetà ta’ xejriet sublimi. It-tieni kapitlu se jkun qed jittratta l-ewwel poeta li spikka ħafna fih l-element tal-ħolqien issublimat, Dun Karm Psaila. Permezz tal-komunjoni b’saħħitha man-natura, il-poeta jantropomorfizza l-ħlejjaq naturali b’sentimenti kontradittorji, tipiċi tas-sublimi. Dun Karm joħloq djalogu ma’ numru ta’ ħlejjaq “li lkoll jieħdu minnufih is-sura sħiħa ta’ bniedem li jifhmu bħalu u li jassumu l-funzjoni ta’ qraba u ħbieb tarruħ tiegħu” (Friggieri 189). Il-kriżi eżistenzjali li kien għaddej minnha Dun Karm testendi ruħha fuq l-ambjent affaxinanti daqskemm apprensiv. Hawnhekk, is-sublimi jispikka iżjed sforz il-qawwa tad-dilemmi eżistenzjali tal-poeta li jagħraf lilu nnifsu bil-konflitti ġewwiena u d-deċiżjonijiet ta’ fidi li jrid jieħu. It-teżi tkompli tinbena b’kapitlu dwar Rużar Briffa, tabib u poeta li għandu sublimi partikolari marbut mad-deżolazzjoni, in-nostalġija u t-temporalità. It-tbatijiet li għadda minnhom bħala tabib u bniedem sensittiv ġiegħluh iħares lejn l-ambjent u l-ħajja umana bħala essenzjalment telliefa u diżappuntanti. Minflok atmosfera utopika, ra qagħda malinkonika u sfortunata fil-ħajja umana, iżda xorta waħda artikula dawn l-aspetti b’mod sabiħ u artistiku, tant li estetizza saħansitra l-mard. Is-sublimi jista’ jkun ukoll mezz espressiv tal-qagħda spiritwalment u fiżikament marradija tal-bniedem. Ir-raba’ kapitlu jistħarreġ lil Ġorġ Zammit, li ġie apprezzat l-aktar għall-ispirazzjoni naturali minn postijiet speċifċi, tqanqil minn natura sempliċi u ta’ għaxqa li torbot magħha s-sens tad-divin u tiżvela l-ispiritwalità moħbija fiha. Madankollu, fost dawn l-elementi attraenti, l-ambjent ta’ Zammit ukoll joħloq mumenti ta’ ħerba, għawġ u diġenerazzjoni. Fin-natura u l-azzjonijiet tagħha, jipprova jifhem u jaqbad il-paradossi tal-ħajja li huma kemm sublimi kif ukoll inkwetanti. Jien u nirriċerka dan il-qasam, speċifikament kif jiġi mħaddem u użat l-element issublimat tal-ħolqien, għaraft aktar l-importanza li nesponi karatteristiċi rikorrenti tiegħu minn poeżija għall-oħra, li bdew jidhru tassew essenzjali għat-teknika magħżula. Parti mill-qofol ta’ din it-teżi huwa l-mudell mogħti ta’ dawn il-karatteristiċi tas-sublimi, xejriet li fil-poeżija bil-Malti żammew il-qawwa tagħhom anke wara l-perjodu Romantiku. Il-konċentrazzjoni ta’ din ir-riċerka tibqa’ primarjament l-esplorazzjoni tal-aspetti li jiffurmaw id-dinamika kumplessa tas-sublimità billi joħolqu atmosfera konfliġġenti fiha nnifisha.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/100164
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2022
Dissertations - FacArtMal - 2022

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
22BAMAL018.pdf
  Restricted Access
1.1 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.