Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/101969
Title: Maskulinità fraġli fir-rakkont ‘Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben)’ u f’’Jutta Heim’
Authors: Borg, Renzo (2021)
Keywords: Mifsud, Immanuel, 1967-. Fl-isem tal-missier (u tal-iben) -- Criticism and interpretation
Mifsud, Immanuel, 1967-. Jutta Heim -- Criticism and interpretation
Maltese fiction -- 21st century
Masculinity in literature
Issue Date: 2021
Citation: Borg, R. (2021). Maskulinità fraġli fir-rakkont ‘Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben)’ u f’’Jutta Heim’ (Master's dissertation).
Abstract: Il-maskulinità tixħet dawl fuq il-karatteristiċi li jsawru r-raġel. Din it-teżi tistħarreġ aktar mill-viċin il-maskulinità f’żewġ xogħlijiet ta’ Immanuel Mifsud, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) u Jutta Heim. Fil-kuntest ta’ letteratura Maltija li fiha r-raġel jingħata ħafna attenzjoni, dan l-istudju jħares lejn xi jsawwar l-irġiel differenti ta’ Mifsud u fiex tissarraf il-maskulinità tiegħu f’dawn iż-żewġ rakkonti. L-għan ewlieni tat-teżi hu li nanalizza l-maskulinità, li fiha nfisha hija fraġli, u l-mod jirrappreżentawha dawn ix-xogħlijiet partikolari ta’ Mifsud. Peress li s-suġġett tal-maskulinità minnu nnifsu huwa suġġett tabù, huwa importanti li meta l-letteratura tistħarrġu, il-kritiċi jkunu kapaċi jintebħu bis-sinifikat u l-immedjatezza li jġib miegħu. F’dan ir-rigward nemmen li aktar ma nanalizzaw ir-rappreżentazzjoni talmaskulinità fil-letteratura bir-reqqa, aktar jiddgħajjef it-tabù madwar das-suġġett. L-argument prinċipali tat-teżi hu li l-maskulinità, aspett kruċjali tal-identità tar-raġel, titqies bħala xi ħaġa li għandha sehem fil-fraġilità tar-raġel. It-teżi għandha wkoll l-għan li tħares lejn kif il-maskulinità tinfluwenza d-dimensjoni politika li tolqot lir-raġel fuq livell personali. L-argument prinċipali hu li l-maskulinità hija fraġli għax ir-raġel huwa bniedem, bil-fraġilità kollha tiegħu. It-teżi bl-ebda mod ma tqis il-maskulinità bħala xi ħaġa li hija minnha nfisha ħażina. Minflok tagħmilha ċara li huma l-forzi soċjopolitiċi li jinfluwenzaw il-mentalità li jitfgħu l-maskulinità f’dell ikrah. It-tema tal-maskulinità fraġli hija rikorrenti f’Mifsud, speċjalment f’dawn ir-rakkonti li jagħtuha attenzjoni partikolari. L-ewwel kapitlu jipproponi sfond teoretiku għall-istudju u l-iskejjel ta’ ħsieb li nuża biex insostni l-argumenti tiegħi. Ninqeda b’għadd ta’ xogħlijiet minn femministi fil-qasam tat-teorija tal-kultura u studjużi oħra mill-qasam tas-soċjoloġija u l-psikanaliżi, iżda xorta waħda nqiegħed fuq quddiem ir-rabta tal-argumenti tiegħi mat-testi letterarji ta’ Mifsud.Lewwel kapitlu jagħti indikazzjoni teoretika tar-rotta li taqbad it-teżi. L-istudji ta’ R.W. Connell, Freud, Mario Jacoby u oħrajn janalizzaw il-problemi li hemm fil-maskulinità, speċjalment fil-mod kif is-soċjetà tinqeda b’ċerti mudelli li mhux biss jinfluwenzawha imma jaħkmu l-mod ta’ ħsieb u l-emozzjonijiet maskili. Ir-rakkonti ta’ Mifsud huma differenti minn xulxin imma t-tnejn jittrattaw il-fraġilità li hemm f’maskulinitajiet partikolari. Fil-każ ta’ Fl-Isem tal-Missier, it-tieni kapitlu ta’ din it-teżi, nitkellem dwar il-paternità u l-influwenza soċjopolitika fuq il-maskulinità tal-missier. Barra minn hekk inħares lejn ilkunflitt psikoloġiku bejn il-missier u l-iben fuq livell. Dak kollu li jseħħ fid-dimensjoni politika jħalli impatt fuq l-individwu fuq livell psikoloġiku. Peress li dar-rakkont huwa mmexxi minn impulsi awtobijografiċi ħassejt li għandi ninkludi spunti mix-xogħol li għamlet Susannah Radstone f’The Sexual Politics of Time fejn titkellem dwar il-qrara u nnostalġija. It-teżi tanalizza l-mixja psikoloġika li jagħmel Mifsud lura fl-imgħoddi tiegħu fejn jerġa’ jieħu s-sura tat-tifel biex janalizza hu stess ir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru. Mifsud ir- raġel adult u matur iħares lejn ċerti episodji li jagħtu ħjieltal-fraġilità sigrieta ta’ missieru u jippreżentaw l-istampa tal-maskulinità ideali li s-soċjetà kienet tippretendi li jkollha. Permezz ta’ Postcolonial Masculinities ta’ Amal Treacher Kabesh inħares lejn l-influwenza imperjalista fil-mentalità tar-raġel Malti u nara xebh bejn il-mod kif il-bidliet soċjopolitiċi jinfluwenzaw lir-raġel fuq livell psikoloġiku imma wkoll fuq il-livell emottiv li ħafna drabi huwa moħbi. Fit-tielet kapitlu li jittratta lil Jutta Heim inħares lejn naħa mudlama tal-bniedem: innarċisiżmu. Għalkemm it-teżi ma titkellimx dwar in-narċisiżmu mil-lenti psikjatrika, ninqeda bix-xogħol ta’ Mario Jacoby u Freud biex nagħti prominenza lill-falliment filmaskulinità ta’ Erik Xerri. Inqis lil Erik bħala raġel mimli bih innifsu, immexxi kompletament minn kilbiet sesswali biex iħossu maskili. Nittratta wkoll il-figura immaġinarja ta’ Jutta bħala l-mara ideali li Erik kontinwament ifittex iżda qatt ma jsib għax ma teżistix. Mifsud jirrakkonta l-istorja ta’ raġel li huwa dgħajjef mhux għax jaħbi l-fraġilitajiet tiegħu jew għax huwa fraġli, imma għax huwa superfiċjali. Hawnhekk nipproponi analiżi bir-reqqa tal-qagħda psikoloġika tiegħu u kif ninterpretah bħala raġelli jirrappreżenta l-waqgħa tal-maskulinità. Iż-żewġ rakkonti ta’ Mifsud norbothom flimkien fir-raba’ kapitlu meta nitkellem fuq il-poter. Hawnhekk nirreferi għal numru ta’ studjużi bħal Connell biex inqiegħed ilmaskulinità f’kuntest li jipprova jispjega minn fejn jinbtu l-fraġilitajiet tagħha. Mingħajr ma nneħħi l-fatt li l-fraġilità hija parti mill-personalità tal-bniedem, inqis is-soċjetà u l- poter politiku bħala elementi li jinqdew b’mudelli ideali ta’ kif ir-raġel għandu jġib ruħu fissoċjetà. Dan iwassal għal ħafna pressjoni fuq il-psike maskili li fi rġiel bħal Erik tqanqal imġibiet maċisti bl-iskop li jgħattu d-dgħufijiet u l-insikurezzi tagħhom. It-teżi hija interpretazzjoni waħda tal-maskulinità f’dawn ir-rakkonti u l-għan aħħari tiegħi hu li nixħet iktar dawl fuqha, mhux biss biex tinftiehem aħjar, iżda wkoll biex napprezzaw ix-xogħol sublimi ta’ Mifsud li bl-istil tiegħu jniggeż dak li hu falz u fl-istess ħin jaċċenna għal dak li jagħmel il-bniedem.
Description: M.A.(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/101969
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
21MAMAL002.pdf
  Restricted Access
1.98 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.