Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1059
Title: Analiżi tal-iżbalji ortografiċi fil-bulettini tal-aħbarijiet televiżivi
Authors: Blundell, Daniel
Keywords: Television broadcasting of news -- Malta
Broadcast journalism -- Malta
Journalism -- Malta
Issue Date: 2014
Abstract: It-televiżjoni fid-dinja jibqa’ wieħed mill-aktar mezzi prinċipali u importanti ta’ trażmissjoni lill-pubbliku. Matul is-snin, it-televiżjoni kompla jikber u jiżviluppa b’rata mgħaġġla, tant li skont stħarriġ li sar fl-2009, 78% tad-djar madwar id-dinja għandhom tal-anqas sett wieħed tat-televixin. Għalkemm matul l-aħħar snin l-użu tal-internet żdied b’qawwa kbira, u forsi anke qabeż lit-televiżjoni bħala l-iżjed sors biex tinxtered aħbar, żgur li ħafna għadhom ifittxu ssettijiet tat-televixin fi djarhom biex jaraw dak li jkunu jixtiequ, minn programmi divertenti sa aħbarijiet. Il-faċilità u l-kumdità togħġob lil kulħadd u għalhekk it-televixin huwa tant imfittex minn kulħadd. L-ewwel stampa trażmessa elettronikament kienet esperiment tal-Iskoċċiż John Logie Baird fl-1926. Kienet stampa sempliċi tas-salib bi tmien ponot tal-Kavallieri, iżda din ma ntlaqgħetx tajjeb wisq u saħansitra l-BBC qalu lil Bairde li ma riedu li jkollhom x’jaqsmu xejn ma’ din l-invenzjoni għaliex ma kienet ser twassal għal xejn utli. Kien fil-fatt għaxar snin wara, proprju fl-1935 li l-BBC bdew jittrażmettu fl-Ingilterra. L-ewwel trażmissjoni tal-aħbarijiet tal-BBC ta’ madwar 20 minuta saret fil-5 ta’ Lulju 1954. Għal darb’oħra, dan l-esperiment ma kellux rispons pożittiv wisq, u xi wħud iddeskrivewh bħala wieħed viżwalment tedjanti. L-istorja ewlenija kienet dik dwar taħditiet għall-paċi f’Hanoi u servizz dwar it-truppi Franċiżi ġewwa t-Tuneżija. Id-Direttur Ġenerali tal-BBC Sir Ian Jacob iddeskriva dan l-avveniment bħala “... a start on something we regard as extremely significant for the future”. Sa minn dan l-ewwel bulettin, l-elementi ewlenin kienu t-titli tal-ġrajjiet ewlenin (il-headlines) u r-ritratti statiċi ta’ dak li jkun qed jiġi rrappurtat. Skont Smith (1995), għall-bidu dan kien mezz ieħor għall-politiċi biex iwasslu lpropoganda tagħhom, għalkemm l-aħbarijiet permezz tat-televiżjoni ma ħadux post issorsi l-oħra li kienu diġà jeżistu bħar-radju u l-gazzetti. Iżda aktar ma beda jgħaddi żmien, l-udjenza aktar bdiet tagħżel dak li xtaqet tara fuq it-televixin, u għall-ħabta tassnin sebgħin, minn perjodu ta’ dominju ġurnalistiku, beda dieħel ħafna aktar l-element ta’ divertiment fil-produzzjonijiet televiżivi. Fid-daħla tal-ktieb Ix-Xandir f’Malta, l-Editur Ġenerali Charles Briffa jgħid li l-filosofija tax-xandir għandha tkun “soċjalment utli u pubblika, u mhux biex tħaxxen il-but ta’ xi ħadd”. Huwa għalhekk li l-udjenza għandha tagħraf tikkontrolla hi x-xandir, u jġib eżempju proprju bil-lingwa. L-argument ta’ Briffa hu dwar kif ix-xandara ħafna drabi jittraduċu bl-għaġla u jipproduċu termini ġodda li forsi ma jkunux ġew mistħarrġa sew qabel intqalu u li setgħu ġew espressi fi kliem aħjar. F’dan il-każ, ix-xandir ma jkunx qed jiddiskrivi l-lingwa tal-poplu imma jiddeterminaha. Ix-xandir televiżiv huwa mezz ta’ komunikazzjoni li jinxtered mal-poplu kollu, u għaldaqstant Briffa jisħaq ukoll li għandhom jiġu kkonsultati Awtoritajiet bħall-Akkademja tal-Malti fl-użu ta’ termini ġodda li jibdew jixxandru, għax dawn faċilment jinxterdu, isiru popolari u jnessu kliem ieħor. Permezz ta’ din l-osservazzjoni żgħira ta’ Briffa, naraw kemm ix-xandir jista’ jkollu effett verament qawwi fuq dak li qed inħarsu lejh f’din it-teżi, il-lingwa, fejn għalkemm hawn qed jitkellem fuq dik mitkellma, il-lingwa miktuba wkoll tista’ tiġi mwassla b’mod skorrett.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1059
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL005.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0052.75 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.