Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1107
Title: L-ambigwità tat-tieni persuna
Authors: Cardona, Elena
Keywords: Postmodernism (Literature) -- Malta
Maltese fiction -- 21st century
Maltese literature -- 21st century
Vella Gera, Alex, 1973- . Sriep regghu saru velenuzi -- Criticism and interpretation
Issue Date: 2014
Abstract: Minkejja l-enfasi li timponi fuq in-narrazzjoni u n-narraturi, in-narratoloġija għadha ma eżaminatx wisq l-istrateġiji innovattivi tan-narrazzjoni Postmodernista. Il- Postmoderniżmu hu l-iktar moviment li kiseb suċċess fis-seklu 21. Barra minn hekk, jeħodha qatta bla ħabel kontra l-mekkaniżmi tradizzjonali tan-narrattiva li ilhom jiddominaw l-istudji narratoloġiċi snin sħaħ. Fl-istudju tal-letteratura Maltija, it-teorija narratoloġika hi mifruxa u lanqas ma għandha għeruq fondi. Għalkemm Oliver Friggieri fid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji jagħti diversi definizzjonijiet tan-narraturi, jinħass vojt kbir fejn jidħlu d-definizzjonijiet tannarrattiva u n-narratur fit-tieni persuna. Għal ħafna n-narratur fit-tieni persuna lanqas biss jeżisti waqt li għall-oħrajn dan hu sempliċiment estensjoni tal-ewwel jew it-tielet persuna. Għalhekk biex jimtela dan il-“vojt” ħassejt li t-teżi tiegħi għandha tħares millqrib lejn it-teorija narratoloġika u tiddiskuti l-funzjoni tat-tieni persuna. Ir-riċerka tiegħi hi magħmula minn qari ta’ awturi prominenti f’dan il-qasam. Imbagħad din it-teorija applikajtha għal rumanz ta’ Alex Vella Gera. Mir-rumanzi kollha li kiteb Vella Gera għażilt Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi għax jinqeda bit-teknika partikolari tan-narrazzjoni fit-tieni persuna li toffri iktar possibiltajiet milli wieħed jaħseb. Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nanalizza xogħol ta’ Vella Gera: listil tiegħu hu nifs ġdid għal-letteratura Maltija. Barra minn hekk, il-lingwaġġ li juża hu wieħed sempliċi iżda jitlob impenn mill-qarrejja. It-tieni persuna offrietli sfida li ħeġġitni nisfrutta l-aspett impenjattiv li toffri t-tieni persuna biex il-qarrejja jindunaw li min qiegħed jirrappreżenta l-pronom “int”. Mill-banda l-oħra dan hu l-uniku rumanz twil miktub fit-tieni persuna li jaqdi l-ħtiġijiet tat-teżi tiegħi. Ir-rakkont ta’ Immanuel Mifsud Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) u r-rumanz semiawtobijografiku L-Eżodu taċĊikonji ta’ Walid Nabhan it-tnejn li huma jindirizzaw lit-tieni persuna. Fil-każ ta’ Mifsud diġà nkitbu żewġ teżijiet dwaru u meta ġejt biex nagħżel it-test letterarju ewlieni għatteżi tiegħi r-rumanz ta’ Walid ma kienx għadu ħareġ. Barra minn hekk, matul it-teżi nagħmel referenza għall-intervista ta’ Vella Gera dwar ir-rumanz tiegħu, li titfa’ dawl kemm fuq ir-rumanz innifsu kif ukoll fuq it-teorija narratoloġika tat-tieni persuna. L-għan ewlieni tat-teżi hu li nagħti sensiela ta’ definizzjonijiet dwar it-tieni persuna, iddiversi rwoli li tista’ taqdi u l-post li jrid jinstabilha fi ħdan il-mekkaniżmu narratoloġiku. L-ewwel kapitlu “In-Narrazzjoni fit-Tieni Persuna” jidentifika l-ħtieġa ta’ studju fuq in-narrazzjoni fit-tieni persuna. Dan isir bil-għajnuna ta’ sensiela ta’ definizzjonijiet minn diversi teoristi. Ħafna minnhom ma jaqblux fuq id-definizzjonijiet li jagħtu iżda element komuni jisboq: in-narrattiva fit-tieni persuna hija ambigwa u tista’ tieħu diversi forom. Għalhekk nipprova nilħaq kompromess bejn dawn iddefinizzjonijiet billi niddeskrivi l-funzjonijiet differenti tat-tieni persuna. Minkejja li nnarrazzjoni fit-tieni persuna hija marbuta l-iktar mal-Postmoderniżmu xorta waħda hemm karatteristiċi qawwija tat-tieni persuna f’testi qodma li jmorru lura sas-seklu ħamsa. Dan l-istudju dijakroniku jħares lejn testi fejn it-tieni persuna hija narratur jew narratarju. It-tieni kapitlu, dwar “Il-Post Mirbuħ tan-Narrazzjoni fit-Tieni Persuna,” jiffoka fuq ittwessigħ tal-mekkaniżmu narratoloġiku li hu ddominat min-narrattiva fl-ewwel u ttielet persuna. Ipproponejt mekkaniżmu narratoloġiku bbażat fuq it-teorija ta’ Monika Fludernik li jilqa’ fi ħdanu n-narrazzjoni fit-tieni persuna. Fludernik issib bilanċ bejn itteorija narrattiva ta’ Stanzel u dik ta’ Genette waqt li toħloq terminoloġija ġdida addattata għat-tieni persuna. Barra minn hekk, nagħmel ukoll referenza għallmekkaniżmu li juża DelConte li jiffoka fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejn in-narratur, innarratarju u l-protagonista. Dan il-kapitlu janalizza n-narrazzjoni fit-tieni persuna f’konfront man-narrazzjoni tal-ewwel u t-tielet persuna, ibbażata fuq l-istorja u ddiskors. Barra minn hekk, niġbor il-punti ewlenin tan-narrattiva fit-tieni persuna u t-tipi differenti ta’ kitba li timmanifesta ruħha fihom. L-aħħar parti tal-kapitlu hi dwar ilfunzjoni tat-tieni persuna fir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. F’din l-analiżi nosserva l-irwol partikolari li għandu l-pronom “int” bħala s-superego billi napplika teoriji psikanalitiċi għall-karattru ta’ Noel. L-aħħar kapitlu, “‘Int” ‘bħala indirizzat u/jew protagonista” jiffoka fuq il-funzjoni l-oħra tat-tieni persuna: in-narratarju jew l-indirizzat. Sa minn żmien il-Klassiċi l-apostrofi kien assoċjat ma’ indirizz. Għalhekk l-għan ewlieni hu li nipprova nuri kif dan l-indirizz evolva maż-żmien. Barra minn hekk, nagħti t-tifsira ta’ narratarju u t-tipi differenti li hemm fin-narrazzjoni u niffoka fuq jekk in-narratarju/l-indirizzat jistax ikun ukoll il-protagonista. Għalhekk nagħti spjegazzjoni tal-indirizz, in-narratarju u l-protagonista biex tiġi stabilita r-relazzjoni ta’ bejniethom u nirreferi għar-rakkont Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben). Fl-aħħar nagħmel aċċen għat-tipi differenti ta’ indirizzi li jista’ jkun hemm fit-tieni persuna.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1107
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL012.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0121.17 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.