Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1131
Title: Il-prietki ta’ Injazju Saverju Mifsud : kontribut għad-dokumentazzjoni tal-Malti qadim
Authors: Falzon, Glen
Keywords: Mifsud, Ignazio Saverio, 1722-1773 -- Sermons
Sermons, Maltese -- Linguistics
Maltese language -- Religious aspects
Maltese language -- History
Issue Date: 2014
Abstract: It-teżi ta’ Fenech kienet l-ewwel ta’ dan it-tip għax kien għad m’hemmx studji fuq il-kliem Malti li kien imxerred f’dokumenti qosra, għalhekk serviet ta’ bażi biex jinbena dizzjunarju storiku. Għal kontra tat-teżi ta’ Victor Privitera ‘Id-Dizzjunarji Maltin’ (1964), din it-teżi titħaddet iktar fuq il-kliem individwali milli fuq l-istorja tad-dizzjunarji. F’din it-teżi hemm il-vokabularju kollu ta’ Megiser, Skippon, Maius kif ukoll hemm bosta kliem ieħor li nstab f’dokumenti oħra. Fl-ewwel kapitlu ta’ dan ix-xogħol l-awtur jitkellem dwar it-tifsira ta’ dizzjunarju storiku, l-għan ewlieni tal-ġabra, il-modi użati ta’ kif ġew magħżula l-kitbiet kif ukoll it-tip ta’ metodoloġija użata biex inkisbet l-informazzjoni li kien hemm bżonn. Fl-aħħar ta’ dan il-kapitlu jidher ukoll xi kliem li qatt ma kien deher qabel imma deher f’din it-teżi għall-ewwel darba. Fit-tieni kapitlu nsibu l-qalba tat-teżi għax appuntu fih id-damma tal-kliem innifisha. Biex wieħed jifhem iktar, fil-bidu ta’ dan il-kapitlu hemm parti mid-damma spjegata u din tista’ sservi ta’ għajnuna għal min ried jikkonsultaha. Fl-aħħar sezzjoni nsibu informazzjoni utli dwar il-kittieba tal-ġabriet li l-awtur irnexxielu jiġbor kif ukoll xi ftit dettalji fuq ix-xogħlijiet infushom, l-iktar fuq dawk li l-awturi tagħhom għadhom mistura sal-ġurnata tal-lum. Wieħed mill-iktar għanijiet importanti ta’ din id-damma huwa li fil-ġejjieni tista’ sservi ta’ għajnuna biex id-dizzjunarju ta’ Aquilina jkun aġġornat. Għan ieħor importanti hu l-fatt li permezz ta’ din id-damma jimtela vojt kbir li ilu jinħass għall-istudju tal-Malti, dak li jkollu dizzjunarju storiku bħalma għandhom il-lingwa Ingliża u dik Taljana. L-istudju tal-lessikografija jinqasam fi tnejn: dizzjunarju sinkroniku u dak dijakroniku. Tal-ewwel jagħti numru ta’ kliem fi żmien partikolari tal-lingwa u l-ieħor jagħti titwila lejn l-iżvilupp storiku tal-kliem tul epoki differenti. Fil-verità dawn iż-żewġ tipi ta’ dizzjunarji wkoll għandhom x’jaqsmu mal-lingwa, bid-differenza li t-tnejn li huma janalizzawha minn perspettivi differenti. Fenech għażel dizzjunarju storiku għax iktar jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kliem matul żminijiet differenti kif ukoll jitfa’ l-kliem f’ċertu kuntest biex ikunu jistgħu jinftehmu aħjar. Fatt interessanti huwa li l-metodoloġija użata f’din id-damma tixbah ħafna dik ta’ Aquilina fid-dizzjunarju Maltese-English għalhekk meta Aquilina jagħti forma, l-awtur għażel li jimxi fuqha. Bħal pereżempju, meta kien jirreferi għal verb, Aquilina xi drabi kien jiktbu fl-ewwel forma minkejja l-fatt li l-istess forma tkun storika kif ukoll ġieli kien jiktbu fit-tieni forma. Huwa tajjeb li wieħed jitkellem dwar ftit mill-kontributi li din id-damma tatna fl-istorja tal-lingwa. Mill-aspett fonoloġiku wieħed jista’ jintebaħ li fil-kitbiet li ġew analizzati sas-seklu tmintax, instabu fonemi li kienu jitlissnu f’dawk iż-żminijiet imma li llum il-ġurnata m’għadhomx jingħadu bħal /h/ u /ʕ/ fost oħrajn. Ostaklu li kellhom jaffaċċjaw l-Ewropej li kienu jiktbu bil-Malti f’dak iż-żmien huwa l-fatt li kien għad m’hemmx ortografija standardizzata, għalhekk kien diffiċli li wieħed jiġborhom u jirrappreżentahom fi grafemi. Apparti minn hekk, instab ukoll kliem li meta kien poġġut f’kuntest partikolari għadu jżomm l-istess tifsiriet li għandna llum. Għal kuntrarju, naraw kliem li kellu tifsira differenti milli għandna llum bħal ngħidu aħna ‘quċċija’ u ‘ġifna’. Mill-aspett morfoloġiku nsibu kliem li f’ċerti mumenti jibqa’ fl-istess forma imma f’mumenti oħra jibdel il-forma sakemm jiżviluppa u jsir kif nafuh illum. Dan l-istudju jgħinna wkoll biex inkunu nafu dwar kliem bħal ‘wexaq’ li kien għadu qatt ma ġie rrekordjat qabel f’xi tip ta’ dizzjunarju Malti. Wieħed jista’ jikkonkludi li din id-damma ta’ Reno Fenech kienet l-ewwel pass biex jibda jkun hawn studji simili fuq dan il-qasam. Kif jistqarr l-awtur innifsu, f’din id-damma nġabru biss affarijiet żgħar mill-ħafna li għad fadal x’jinġabru. Fenech għażel li jenfassiza t-teżi tiegħu fuq it-trufijiet iż-żgħar bil-Malti sat-tluq tal-Kavallieri minn Malta. Hu qabad dawn l-istess trufijiet, ġabarhom u organizzahom b’tali mod li ġabar kollox f’korp wieħed. Qasam ieħor li għad irid jiġi studjat u ma ġiex trattatt f’dan l-istudju huwa t-toponomija.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1131
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL018.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0182.85 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.