Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1162
Title: L-individwu fis-soċjeta f’Leli ta’ Haz-Zghir ta’ Guze Ellul Mercer
Authors: Cortis, Maria
Keywords: Ellul Mercer, Guze, 1897-1961
Ellul Mercer, Guze, 1897-1961. Leli ta’ Haz-Zghir -- Criticism and interpretation
Maltese literature -- 20th century -- History and criticism
Literature and society -- Malta
Individualism in literature
Issue Date: 2014
Abstract: Ġużè Ellul Mercer twieled l-Imsida fit-22 ta' Marzu, 1897. L-ewwel edukazzjoni formali tiegħu ħadha mill-Iskola Primarja tal-Imsida, imbagħad missieru daħħlu fil-Kulleġġ ta' Flores. Meta kellu madwar ħdax-il sena daħal fil-Liċeo sabiex ikun jista' jmur l-Università. Skont ħuh Ġorġ Ellul, Ġużè Ellul Mercer kien iħobb jistudja kull suġġett li kellu, iżda l-letteratura kemm Maltija u kemm barranija, u l-lingwi kienu għal qalbu ħafna (Camilleri 50). Dan l-awtur kellu l-piż tal-familja jagħfas fuqu għax kien il-kbir fost tnax-il aħwa. Huwa ħass li kellu jfittex xogħol sabiex jgħin lil familtu u telaq mill-Università. Mill-istudju ta' Ġużè Cassar Pullicino nafu li Ellul Mercer, meta kellu sbatax-il sena, beda jaħdem bħala Skrivan tas-Sekonda mad-Dipartiment tal-gwerra (Ġużè Ellul Mercer, Il-Kitbiet Miġbura viii). L-istess sors jindika li ftit snin wara laħaq 'Chief Clerk' fil-Kwartieri Ġenerali tal-'Malta Garrison'. Fis-sitta u għoxrin ta' Lulju l-Kappillan tal-Imsida Dun Kalċidon Schembri żewweġ lil Ġużè Ellul Mercer ta' erbgħa u għoxrin sena ma' Marija Tereża Brockdorrf. Fiż-żwieġ tiegħu ma kellux tfal u sikwit kien ikun imnikket għax kellu ġibda kbira lejn it-tfal. Tant hu hekk li kien iqatta' ħafna ħin mat-tfal il-foqra. Fin-novella Bla isem, Ġużè Ellul Mercer juri s-simpatija tiegħu li għandu lejn it-tfal: “Waqtiet, teħdux għalija, aktar inħossni f‟sikkti nkellem tifel daqs fulu milli xi ras kbira mimlija għerf jew xi għerq xieref bħali” (55). Fl-1924 Ġużè Ellul Mercer issieħeb fil-Partit tal-Ħaddiema. Mill-1928 sal-1929 għamilha ta' Assistent Direttur tal-ġurnal tal-Partit Il Cotra, imbagħad fl-1930 laħaq id-Direttur tal-ġurnal. It-tabib Ġużè Bonniċi faħħar ħafna x-xogħol li kien jagħmel Ġużè Ellul Mercer “jixraq li nagħtu t-tifħir li ħaqqu lis-sur Ġużè Ellul Mercer, id-Direttur ta' Il Cotra, li bit-tħabrik u bil-ħeġġa tiegħu mexxieha 'l quddiem u għamilha waħda mill-aħjar, jekk mhix l-aħjar mill-ġurnali tal-Gżira” (159). Ġużè Ellul Mercer, b'ħidmietu u b'fehmietu, nissel fost il-klassijiet soċjali kollha interess kbir fil-qagħda ġewwinija tan-Nazzjon Malti. Hu kien jemmen fl-intellettwalità li għandu jkollu l-poplu, li biha jkun jista' jikseb il-pożizzjoni tiegħu, kemm soċjali kif ukoll ekonomika. Huwa ħaddan prinċipji progressivi mibnija fuq ġustizzja soċjali għall-ġid tas-soċjetà. Għalhekk meta kiteb in-novelli tiegħu, kien imqanqal minn dak li josserva madwaru. Permezz ta' dawn il-kitbiet ried iġiegħel lill-qarrej jieqaf u jaħseb fuq il-problemi serji tal-qagħda soċjali ta' Malta f'dak iż-żmien – problemi li kellhom bżonn jingħataw widen. Ried jikkultiva l-poplu Malti, li sa dak iż-żmien kien jagħti kas iktar it-Taljan u l-Inġliż milli l-Malti. Ix-xewqa ta' Ellul Mercer kienet li jwassal lis-soċjetà Maltija fit-triq għall-progress. Fi żmienu, il-Knisja kellha influwenza kbira fuq is-soċjetà u għalhekk kellu jħabbat wiċċu ma' klassi ta' nies li ħaddnet il-parrokkjaliżmu u kienet tibża' mill-progress soċjali u kulturali. F'dan iż-żmien bdiet tkarkar il-ġlieda politika-reliġjuża kontra l-Partit tal-Ħaddiema. Dan kien żmien diffiċli għal Ellul Mercer għax dawk kollha li kienu jagħmlu parti mill-Partit tal-Ħaddiema, kienu jagħmlu dnub mejjet. Ellul Mercer miet ġo daru fit-22 ta' Settembru fl-1961, u spiċċa vittma tal-inderdett għax indifen il-miżbla. Ġużè Ellul Mercer kien kontra l-ħakma barranija f‟Malta u ried li Malta tikseb l-Indipendenza mingħajr tmexxija barranija. Fil-Konferenza Ir-Revoluzzjoni Franċiża ried ifiehem lill-poplu x'jista' jagħmel biex itejjeb il-qagħda soċjali tiegħu għax kien jemmen li kulħadd kellu d-dritt għall-opinjoni u ħadem ħafna favur il-ħelsien li għandu jkollu kull individwu: "Xejn ħlief it-tagħlim ma jista' jiskansa lill-poplu u jipproteġih minn dawk li jridu jgħixu minn fuqu billi jitgħażżnu, iċanfruh u jikkundannawh, ibeżżgħuh u jqarrqu bih. Mhux it-tiksir u t-tixwix iżda t-tagħlim biss jista' jirranġa l-pożizzjoni tal-individwu" (Il Cotra 4). Ma kienx jaqbel mal-inġustizzja u għalhekk kien minn ta' quddiem biex jikkritika lill-qassisin għax fi żmienu dawn kienu kontra l-klassi tal-ħaddiema. Min-novelli nindunaw li Ġużè Ellul Mercer kellu simpatija kbira lejn il-klassi l-kaxxa u kien jaħdem sabiex din ikollha żieda fil-pagi kif ukoll pensjoni u għajnuna soċjali f'każ ta' mard. Kien jemmen li biex bniedem jemanċipa ruħu kellu jiżviluppa intellettwalment billi jitgħallem u għalhekk kien hemm bżonn ta' taqlib sħiħ fl-istruttura soċjali Maltija. Permezz tar-rumanz Leli ta' Ħaż-Żgħir naraw kif Leli, li kien miftuħ għall-mewġa tat-tagħlim u l-progress spiċċa biex ibati minħabba li kien jgħix f'soċjetà li kienet nieqsa mit-tagħlim u għalhekk qatt ma setgħet tiżviluppa. Minħabba l-injoranza tas-soċjetà, li fiha jgħix Leli għaddietu biż-żmien u tqisu bħala miġnun. Il-lingwa Maltija u t-tagħlim kienu importanti għal Ellul Mercer għax emmen li jekk ma jkollniex il-lingwa tagħna ma nkunux nistgħu nissejħu nazzjon. Fi żmienu, il-klassi l-għolja kasbret l-ilsien Maltin u l-professjonisti kienu jkasbruh anki fil-Parlament tant li kienu jqisuh bħala l-lingwa tal-kċina. Ellul Mercer kien kontra din l-idea u kien jemmen li l-ilsien Malti għandu jkun l-ilsien nazzjonali għax bih il-poplu Malti seta' jħossu aktar parti minn art twelidu.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1162
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL015.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0151.02 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.